L-ammont ta’ tobba, kirurġi u konsulenti ġodda ingaġġati mill-Gvern fis-servizz mediku bejn is-sena 2015 u l-aħħar tas-sena 2017 kien ta’ 817. L-ingaġġ sar b’riżultat ta’ 202 sejħiet għal dawn il-postijiet.
“Ċifri sostanzjali, imma dejjem jibqa’ lok għal aktar reklutaġġ. Tant li bħalissa hemm diversi sejħiet oħrajn li għadhom miftuħin,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta mitlub jikkummenta minn dan il-ġurnal dwar dawn iċ-ċifri.
Fil-fatt jirriżulta li s-sejħiet li għadhom miftuħin u li mistennija jagħlqu aktar tard dan ix-xahar huma fir-rigward tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Is-sejħiet huma għal Resident Specialist (General/Internal Medicine), Resident Specialist (Anaesthetics u Intensive Care), Resident Specialist (Emergency Medicine) u Principal General Practitioner Primary Health Care.
Sadattant fir-rigward tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex ukoll fil-jiem li għaddew għalqu s-sejħiet għall-konsulenti fl-oqsma tal-Kardjoloġija, in-Newroloġija, l-Emergency Medice, il-Microbiology/Bacteriology, il-General Medicine, il-Baromedicine u l-Paediatrics.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa kompla jgħid lil dan il-ġurnal li “dawn is-sejħiet fir-rigward tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex ikomplu juru d-determinazzjoni tal-Gvern li jkompli jgħolli l-livell ta’ kura f’Għawdex mhux biss għax hekk huwa ġust imma wkoll biex kemm jista’ jkun jiġi eliminat il-bżonn li l-pazjent Għawdxi jkollu joqgħod jaqsam jew jinġieb Malta għall-kura. Diġà tajna prova ta’ dan f’diversi oqsma tas-saħħa u se nkomplu b’ħidmietna biex dak li wegħedna lill-Għawdxin fejn jirrigwardaw is-servizzi tas-saħħa nwettquh.”
Statistika uffiċjali turi li matul is-sena 2015 sejħiet għal tobba, kirurġi u konsulenti kienu saru 62 waħda li bir-riżultat tagħhom ġew ingaġġati 188. In-numru ta’ sejħiet tul is-sena ta’ wara, 2016, kien ta’ 72 u bir-riżultat tagħhom kien hemm 299 ingaġġ. Matul is-sena 2017 kien hemm 68 sejħa li rriżultaw f’ingaġġ ta’ 330 għal total ta’ 817.