Tfal b’vista batuta għandhom sfidi partikolari matul l-iżvilupp edukattiv tagħhom – Marie Louise Coleiro Preca – One News

Notifiki

Tfal b’vista batuta għandhom sfidi partikolari matul l-iżvilupp edukattiv tagħhom – Marie Louise Coleiro Preca

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li hemm bżonn li l-professjonisti, il-ġenituri, u l-istudenti, jaħdmu aktar flimkien biex jiġu indirizzati id-diffikultajiet u l-isfidi li jiltaqgħu magħom it-tfal b’vista batuta fl-iżvilupp edukattiv tagħhom.

Hija qalet dan waqt li kienet qed tindirizza konferenza nazzjonali dwar l-edukazzjoni għat-tfal b’vista batuta, organizzata mill-Carers of Children with Visual Impairment, fi ħdan The Association to Assist Visually Impaired Persons, b’kollaborazzjoni mal-Assistive Devices for Visually Impaired Centre.

Il-President qalet li jinħtieġ li nkomplu nfittxu strateġiji effettivi u modi differenti kif, bħala soċjetà, nindirizzaw l-isfidi li kull tifel u tifla jiltaqgħu magħhom fil-kuntest ta’ sistema edukattiva inklussiva.

“L-ebda familja fil-gżejjer Maltin ma għandha tħossa konfuża, iżolata jew traskurata, għax it-tifel jew it-tifla tagħhom ikollhom vista batuta, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni u gwida”, qalet il-President, filwaqt li żiedet li anke l-għalliema u l-LSAs għandhom il-ħtieġa li jingħataw taħriġ speċifiku, biex jkunu jistgħu jgħinu kif jixraq lill-istudenti b’vista batuta u joffrulhom l-għajnuna li hemm bżonn.

Il-President Coleiro Preca qalet li, “ma nistgħux nippretendu li l-edukaturi jagħtu minn dak li ma għandhomx”. Fid-dawl ta’ dan, il-President stqarret li għandna nħeġġu lill-edukaturi biex isegwu opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali f’dan is-settur. B’hekk, l-edukaturi jkunu jistgħu jgħinu aħjar fl-iżvilupp edukattiv ta’ dawn it-tfal, u jiggwidaw lill-ġenituri aħjar, biex jgħarfu l-opportunitajiet għal edukazzjoni speċjalizzata.

Il-President qalet li l-istudenti b’vista batuta jeħtieġu sistema edukattiva li tissodisfa l-ħtiġijiet individwali tagħhom kollha—sistema li trawwem l-indipendenza u r-reżiljenza, u sistema edukattiva li titkejjel mis-suċċess ta’ kull individwu fl-iskola u fil-komunità.

Il-President spjegat kif, permezz tal-inizjattiva tal-Qaritona Nazzjonali li qed tittieħed minn The President’s Trust u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, fil-futur qrib se jkun jista’ jingħata tagħmir speċjalizzat lis-67 tifel u tifla b’vista batuta li għandna fl-iskejjel primarji u sekondarji, bl-għan li jiġi assigurat li jkollhom aċċess għall-qari u għall-informazzjoni kif jixraq.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend