Regolamenti ġodda mmirati biex jiżguraw sigurtà xierqa fiż-Żona Schengen | One News

Notifiki

Regolamenti ġodda mmirati biex jiżguraw sigurtà xierqa fiż-Żona Schengen

 

L-iskambju tal-informazzjoni bejn Stati Membri huwa element bażiku sabiex tiġi żgurata s-sigurtà taċ-ċittadini tagħna madwar l-Unjoni Ewropea, qalet il-MPE Laburista Miriam Dalli.

“Li nibnu struttura b’saħħitha kontra theddid terroristiku jista’ jgħinna nissodisfaw ir-responsabbiltà tagħna li nżommu liċ-ċittadini tagħna siguri. It-tiġdid tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) hija għodda importanti għal dan il-għan,” stqarret l-MPE Dalli.

Bħala rapporteur għall-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi, Miriam Dalli laqgħet il-ftehim informali li wasslu għalih il-Presidenza Bulgara tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar tliet regolamenti fuq l-użu tas-SIS għal kwistjonijiet ġudizzjarji, għal kontroll tal-fruntieri u għal kwistjonijiet ta’ ritorn ta’ persuni minn pajjiżi terzi.

L-abbozz tar-regolamenti jintroduċi kategoriji addizzjonali taʾ twissija, inkluż dawk dwar persuni suspettati jew mfittxija.

Miriam Dalli enfasizzat kif l-għodod taħt SIS jistgħu jintużaw fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħtif tat-tfal u f’każijiet ta’ tfal neqsin.

“Għalija kien dejjem importanti li mhux biss nindirizzaw il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u l-ħtif tat-tfal, iżda wkoll li niżguraw li d-drittijiet fundamentali dwar il-protezzjoni tad-data tagħhom jkunu rispettati,” qalet Dr Dalli.

L-abbozz tar-regolamenti jintroduċi twissijiet preventivi għat-tfal f’riskju ta’ ħtif minn ġenituri, kif ukoll tfal vulnerabbli u persuni li ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw għas-sigurtà tagħhom stess.

Fis-snin li għaddew, l-isfidi tal-immigrazzjoni u t-terroriżmu saru aktar interkonnessi. Studju ppubblikat is-sena l-oħra mill-Istitut Daniż għall-Istudji Internazzjonali wera kif, f’dawn l-aħħar 10 snin, il-maġġoranza l-kbira ta’ persuni involuti f’attakki terroristiċi madwar l-Ewropa kienu ċittadini tal-UE. L-istudju wera li bosta kienu foreign fighters, u li kienu diġà magħrufa mal-awtoritajiet Ewropej.

L-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali u fil-kontrolli tal-fruntieri huma essenzjali. Il-ftehim milħuq jinkludi wkoll twissijiet dwar ir-ritorn ta’ persuni ta’ pajjiżi terzi li t-talbiet tagħhom għall-ażil ma jkunux ġustifikati u jkunu ġew miċħuda.

“Għandna l-għodod biex niggarantixxu is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna. Issa, huwa f’idejn l-Istati Membri biex jimplimentaw kif suppost l-Acquis ta’ Schengen,” ikkonkludiet Miriam Dalli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend