Jissoktaw laqgħat ma' kumpaniji fil-qasam tal-blockchain fl-Istati Uniti | One News

Notifiki

Jissoktaw laqgħat ma’ kumpaniji fil-qasam tal-blockchain fl-Istati Uniti

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri attenda għal għadd ta’ laqgħat ma’ kumpaniji li joperaw fil-qasam tal-blockchain fi New York. “Sodisfatt li nista’ nħabbar li wara dawn il-laqgħat, fil-ġranet li ġejjin, rappreżentanti tal-kumpaniji se jkunu qed iżuru Malta biex jiftħu l-uffiċini tagħhom u se jibdew joperaw minn Malta,” qal Silvio Schembri.

Waqt iż-żjara tiegħu fl-Istati Uniti s-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri attenda wkoll għat-38 Assemblea tal-Partijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għal Telekommunikazzjoni bis-Satelliti f’Washington DC.

“Il-preżenza ta’ Malta waqt il-konferenza turi kemm il-Gvern huwa kommess li jsaħħaħ is-settur tat-telekommunikazzjoni li jgħin għat-tkabbar tal-ekonomija diġitali bħala mutur importanti għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta. Waqt il-konferenza ttieħed vot biex neleġġu membri ġodda fi ħdan kumitati tal-Assemblea. Li konna parti minn dan il-vot, dan poġġa lil Malta bħala pajjiż voċiferu fis-settur tat-telekomunikazzjoni,” qal Schembri.

ITSO hija organizzazzjoni intergovernattiva li tagħti servizz tat-telekommunikazzjoni pubbliku li jinkludi voice data u video fuq bażi mhux diskriminatorja. Bħalissa, l-organizzazzjoni għandha 149 stat membru, inkluż Malta.

L-irwol ta’ ITSO hu li tassigura li jkunu implimentati l-prinċipji ewlenin għal proviżjoni tas-servizzi tat-telekommunikazzjoni pubbliċi fuq livell internazzjonali b’affidabilità għolja, ta’ kwalità u li tippromwovi s-servizzi tat-telekommunikazzjoni pubbliċi fuq livell internazzjonali b’mod li jlaħħqu l-aspettattivi f’dik li għandu x’jaqsam informazzjoni u soċjetà komunikattiva.

L-Assemblea tal-Partijiet hija l-korp ta’ tmexxija tal-organizzazzjoni u tiltaqa’ kull sentejn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend