ARA: Il-GCHSS bi prospectus ġdid li jiffoka fuq l-atletika – One News

Notifiki

ARA: Il-GCHSS bi prospectus ġdid li jiffoka fuq l-atletika

Bħala parti mit-tiġdid għas-snin li ġejjin, l-Iskola Sekondarja Ogħla fin-Naxxar nediet il-prospectus il-ġdid li għall-ewwel darba se joffri programm ta’ studju speċjalizzat għal dawk l-istudenti li jkunu jixtiequ jipprattikaw xi sport fuq bażi nazzjonali.

Is-Surmast tal-kulleġġ, Gaetano Calleja, spjega li din ir-riforma nħass il-bżonn tagħha, minħabba li studenti atleti kienu qed jitħallew jipprattikaw l-isport tagħhom biss bħala passatemp wara l-iskola.

Dan bil-konsegwenza li meta jiġu biex jikkompetu ma’ atleti barranin, isibuha diffiċili biex jikkompetu.

Qal li din l-inizjattiva hija mmirata li tgħin u tħaffef il-ħajja ta’ dawn l-istudenti, bla ma tbegħdhom la mill-isport u lanqas mill-iskola.

Għandna programm indirizzat lejn studenti li huma atleti, li nafu kemm huma impenjati fix-xogħol, u fit-training tagħhom.. u qed nippreżentawlhom programm biex ikunu jistgħu filwaqt li jkomplu bl-impenn sportiv tagħhom, ikomplu bl-istudji wkoll.

Lil hinn mill-atletika, is-Surmast spjega li se tingħata importanza wkoll lil-lingwi. Qal li huwa inaċċettabbli li studenti jaqbdu lingwa fis-sekondarja, iżda imbagħad jitilquha minħabba li s-suġġetti li jagħżlu ma jkunux jikkorrispondu.

Qed ninnutaw b’dispjaċir li lingwa li jkunu tgħallmu mill-Form 1 jabbandunawha, u ma jibqgħux jistudjawha.. aħna qed noffrulhom programm akkreditat fejn apparti s-suġġetti tal-A Levels li jkollhom bżonn, jitħarrġu b’mod akkreditat fil-lingwa tagħhom.

Ma’ ONE News is-Sur Calleja qal li l-isfidi biex il-kulleġġ jagħmel it-tibdiliet u jibqa’ relavanti, huma kbar.

Il-Minsitru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, saħaq li skola bħall-Higher qed tagħmel il-bidliet neċessarji biex tibqa’ relevanti waqt li qed taħdem pari passu mal-politika tal-Gvern.

Faħħar l-introduzzjoni tal-programmi tal-lingwi u tal-atletika li fissirhom bħala estensjoni ta’ Skola Sport, li permezz tagħha żgħażagħ Maltin qed jingħataw l-opportunità li jibqgħu kompetittivi fl-isport tagħhom waqt li jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend