Transport Malta ser tibda x-xogħol tal-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Wied Ħal Balzan, minn nhar it-Tnejn 18 ta’ Ġunju 2018.
Il-proġett huwa wieħed estensiv u x-xogħlijiet ser isiru f’fażijiet. Min nhar it-Tnejn filgħodu, ser jibda x-xogħol fil-parti tat-triq bejn Triq it-Tabib Zammit u Triq il-Kbira u din il-parti tat-triq ser tkun kompletament magħluqa għat-traffiku.
Dan il-proġett ser isir b’investiment ta’ madwar €500,000. Ix-xogħol jinkludi servizzi ġodda tad-distribuzzjoni tal-ilma taħt l-art, sistema ġdida ta’ kanali għall-ilma tax-xita, titjib fid-disinn tat-triq b’aktar spazji ta’ parkeġġ, bini mill-ġdid ta’ pedamenti, madwar 1.2 kilometri ta’ bankini ġodda u wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi t’asfalt.
Transport Malta ħeġġet lis-sewwieqa biex jużaw toroq alternattivi u jsegwu l-istruzzjonijet tal-uffiċjali fuq il-post.