Alfred Sant jastjeni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO fil-Parlament Ewropew | One News

Notifiki

Alfred Sant jastjeni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO fil-Parlament Ewropew

 

Fil-Parlament Ewropew Alfred Sant astjena fuq ir-rapport ‘Ir-Relazzjonijiet tal-UE u N-NATO’. Dr Sant qal li peress li Malta hija pajjiż newtrali, huwa xieraq li ma jivvotax favur jew kontra kwistjonijiet dwar ir-relazzjoni bejn l-UE u n-Nato. It-tieni punt, qal l-MEP, ir-rapport ftit imiss is-sigurta` reali u l-interessi strateġiċi tal-UE u kif dawn għandhom jiġu definiti.

L-MEP Malti qal li hemm l-interess vitali li n-nazzjonijiet Ewropej jarmonizzaw ir-rekwiżiti tal-armamenti tagħhom, imqar biex jiksbu ekonomiji fuq skala kbira fi proġetti ta’ riċerka u żvilupp fi ħdan parametri ta’ suq uniku. Dan jikkumplimenta wkoll l-ippjanar tad-difiża tan-NATO permezz ta’ kooperazzjoni aktar faċli bejn il-forzi armati tal-Istati Membri, kemm tal-UE u kif ukoll tan-NATO.

“L-interessi tas-sigurta` tal-UE qed jiġu artikolati u appoġġjati fuq nuqqas ta’ prinċipji. Dan l-aġir jista’ jkollu konsegwenzi kontinwi u mhux previsti. Jista’ jwassal għal operazzjonijiet militari ‘ad hoc’, sanzjonati jew sorveljati min-NATO, madwar il-periferija tal-UE li l-leġittimita` tagħhom tibqa’ dubjuża. Iżda dawn xorta jirriflettu u jaffettwaw lill-UE kollha kemm hi. Minħabbba l-inċertezzi li ħolqu l-inizjattivi mnedija mill-Gvern Amerikan ta’ Trump, ma tantx hu għaqli li l-UE taġixxi b’tali mod li tista’ twassal għal aktar inċertezzi.” qal Alfred Sant.

Ir-riżoluzzjoni għaddiet b’441 vot favur, 182 vot kontra u 57 astensjonijiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend