Wirja Agrarja u ta’ Artiġjanat fin-Nadur – ħidma biex attivitajiet bħal dawn jissaħħu – One News

Notifiki

Wirja Agrarja u ta’ Artiġjanat fin-Nadur – ħidma biex attivitajiet bħal dawn jissaħħu

Din is-sena, is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, flimkien mal-Kunsill Lokali tan-Nadur, se jkunu qegħdin jorganizzaw il-Wirja Agrarja u ta’ Artiġjanat 2018 fin-Nadur.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li l-għan tal-gvern huwa “li avvenimenti bħal dawn fl-irħula tagħna jkomplu jikbru u huwa għalhekk li nkunu minn ta’ quddiem sabiex nagħtu l-għajnuna tagħna fejn hemm bżonn sabiex il-bdiewa u r-raħħala jkollhom opportunità fejn jiċċelebraw il-bżulija tagħhom. L-għan tagħna huwa dejjem li nħeġġu biex attivitajiet bħal dawn ikomplu u mhux biss jittellgħu, iżda wkoll jissaħħu.”

Il-wirja agrarja li bdiet 20 sena ilu mill-Kunsill Lokali tan-Nadur bħala wirja tal-ħaxix u l-frott kompliet tikber u l-bdiewa u r-raħħala bdew jieħdu sehem bis-sħiħ f’din l-attività. Minħabba li n-numru ta’ viżitaturi kibru, u eventwalment kibret il-wirja, inbidel u tkabbar ukoll l-istil tal-wirja.

Is-Sindku tan-Nadur Edward Said qal li fil-fatt illum il-ġurnata din l-attività hija wirja u esibizzjoni mhux biss ta’ ħaxix u frott, iżda wkoll tinkludi kull tip ta’ uċuħ tar-raba’ lokali, festa sħiħa ta’ artiġjanat maħduma fin-Nadur, u anke fi gżiritna, fost l-isbaħ arti tradizzjonali, u anke artisti live, nies jaħdmu snajja’ tradizzjonali, kollezzjonijiet ta’ pjanti u materjal ieħor lokali u tradizzjonali, tiżjin b’armar antik ħafna tal-Imnarja, u anke fost l-aqwa arranġamenti tal-fjuri maħduma lokalment, kif ukoll ħafna stands oħra. Minbarra dan, l-istess wirja tinkludi esibizzjoni ta’ tjur, tagħti l-opportunità li jsir tberik tal-pets, tinkludi wirja tal-bhejjem u ż-żwiemel fi Triq Diċembru 13 u anke tberik, tipprovdi lill-viżitaturi ċ-ċans li jduqu ikel u xorb tradizzjonali b’xejn, u saħansitra mużika u żfin folk ma jaqta’ xejn, kif ukoll għana tradizzjonali.

F’din il-Wirja Agrarja u ta’ Artiġjanat se jkun hemm madwar 250 parteċipant li se jesebixxi x-xogħol tiegħu, filwaqt li huwa stmat li se jattendu madwar 4,000 ruħ fuq jumejn. Fil-fatt, dawk li jżuru l-wirja agrarja se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn esperjenza unika fejn josservaw u jieħdu sehem fi tradizzjonijiet agrikoli li wħud minnhom qed jinqatgħu.

Il-wirja se ssir nhar is-Sibt 23 ta’ Ġunju wara t-tmienja ta’ filgħaxija u l-Ħadd, 24 ta’ Ġunju mit-tmienja ta’ filgħodu ’l quddiem.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend