“Qegħdin inħarsu lejn liġi li tagħti aktar vuċi lit-tfal, fejn il-minuri jkunu fiċ-ċentru tal-bidliet li se jkollna f’din il-liġi li ilha żmien twil tiġi kkonsultata, u issa viċin li tkun implimentata.” Stqarr dan il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon waqt li kien qed jitkellem dwar żviluppi f’din il-liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal li issa għaddiet ukoll mill-Kabinett.
Il-Ministru Michael Falzon ħabbar li issa se jkun hemm sitt ġimgħat ta’ konsultazzjoni pubblika kemm mal-istakeholders kif ukoll mal-pubbliku inġenerali, biex din il-liġi verament isservi ta’ leħen u aktar tisħiħ għall-minuri.
Din il-liġi se tkun qed tirrimedja sitwazzjonijiet li jolqtu direttament lit-tfal, fejn sa issa, l-Istat kien qed ikollu jintervjeni mingħajr il-preżenza ta’ Court of Law li tipprovdi pjan ta’ kura għall-futur tat-tfal ikkonċernati.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-konsulent ewlieni fi ħdan il-Ministeru li ħadem fuq din il-liġi, l-avukat Andy Ellul, ippreżenta spjegazzjoni dettaljata.
Andy Ellul spjega li din il-liġi qed titfassal wara ħafna konsultazzjoni ma’ stakeholders u anke mudelli li jitħaddmu barra minn Malta.
Hu stqarr li l-liġi fiha bidliet importanti ħafna, ewlenin fosthom fejn jidħlu care orders u l-kustodja tat-tfal, li permezz ta’ din il-liġi mhux se jibqgħu iktar responsabbiltà tal-Ministru, u minflok se jkunu responsabbli għalihom il-kapijiet tar-residenzi li jgħixu fihom it-tfal, il-foster carers, u l-aġenzija.
Minn hemmhekk imbgħad jitħejja care plan adattat għat-tifel jew tifla kkonċernata, dejjem bid-diskrezzjoni tal-Qrati. Il-Qorti tkun tista’ toħroġ ordnijiet ta’ protezzjoni li jinkludu ordni ta’ emerġenza, ta’ kura, ta’ superviżjoni, ta’ trattament, jew ordni ta’ tneħħija.
Il-liġi tesiġi wkoll li jsir kuntratt soċjali (social contract) li jassigura li l-ġenituri jew dawk li qed jieħdu ħsieb il-kura tat-tfal jieħdu responsabbiltà biex iwaqqfu kull forma ta’ abbuż fuq il-minuri. Il-liġi qed taspira li għall-ewwel darba twaqqaf ċentru terapewtiku għal minuri b’imġieba devjanti.
Hemm ukoll bidliet f’kif isiru l-adozzjonijiet u l-fostering fost dawk it-tfal li jinsabu f’out-of-home care. Foster carers se jkollhom ukoll aċċess għall-atti u d-dokumenti kollha tal-Fostering Board u se jkunu jistgħu jiftħu kont tal-bank f’isem it-tifel jew tifla fostered.
Wara għaxar snin ta’ fostering, il-foster carers jistgħu jiftħu applikazzjoni biex jadottaw lil dak it-tifel jew tifla.
Intant, il-Ministru Michael Falzon stqarr li permezz ta’ dawn il-bidliet, din il-liġi se tagħti wkoll aktar protezzjoni lis-social workers li jkollhom kuntatt ma’ minuri li juru mġieba aggressiva.
Il-Ministru Michael Falzon ikkonkluda billi ħeġġeġ għal aktar parteċipazzjoni waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika, li se jibqa’ miftuħ sal-31 ta’ Lulju.
“Qed nagħmlu dan għax verament nemmnu fis-sehem ta’ kull indivdwu, issa li wasalna biex nikkonkludu din il-liġi u fil-viċin li tibda topera”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.
Kopja tal-liġi flimkien ma’ preżentazzjoni dwar il-punti saljenti tagħha tinstab fuq il-website tal-Ministeru: www.family.gov.mt.
Kull min għandu xi tip ta’ kumment jista’ jibgħat fuq childprotection.mfcs@gov.mt.