Tiġi fi tmiema l-ISSF World Cup Shotgun Malta 2018 – One News

Notifiki

Tiġi fi tmiema l-ISSF World Cup Shotgun Malta 2018

Malta qamet għall-okkażjoni u organizzat b’suċċess għall-ewwel darba l-ISSF World Cup Shotgun Malta 2018 li llum ġiet fi tmiema wara tmien t’ijiem ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali fil-Malta National Shooting Ranges.

Total ta’ 402 atleta minn 61 pajjiż differenti kkompetew f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-isparar li kienet tinkludi 5 avvenimenti differenti: l-iskeet tan-nisa, skeet tal-irġiel, trap tan-nisa, trap tal-irġiel u trap mixed team.

It-Tazza tad-Dinja ntemmet bil-finali tat-trap mixed team u kien is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima li ppreżenta l-midalji tad-deheb lis-Slovakkja, u tal-fidda u tal-bronż lill-Italja għal din id-dixxiplina.

L-aqwa riżultat Malti fit-trap inkiseb minn Brian Galea fejn laqgħat 108 minn 125 plattina segwit minn William Chetcuti b’106 plattina, filwaqt li l-aqwa riżultat fl-iskeet inkiseb minn Darren Vella fejn laqgħat 110 minn 125 plattina segwit minn Dimitrov Bozhidar b’103 plattina.

F’din l-edizzjoni kienet l-Ingilterra li kisbet l-ogħla numru ta’ midalji tad-deheb segwita mill-Istati Uniti u s-Slovakkja.

Kienu bosta atleti u uffiċjali barranin li ddiskrivew il-Malta National Shooting Ranges bħala fost l-aqwa fid-dinja u esprimew il-ħsieb tagħhom li fil-futur qarib jerġgħu jżuru pajjiżna biex jitħarrġu jew jikkompetu f’dawn il-faċilitajiet state-of-the-art.

L-appuntament li jmiss għat-tazza tad-dinja tal-isparar huwa ġewwa Tucson, l-Istati Uniti, bejn id-9 u s-19 ta’ Lulju 2018.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend