Din il-ġimgħa ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Istituto Mediterraneo per i trapianti e terapie ad alta specilalizzazione (ISMETT)—ftehim li se jwassal biex aktar pazjenti Maltin jingħataw kura f’ċentri speċjalizzati fl-Italja.
Matul is-snin li għaddew kien hemm erba’ Maltin li saritilhom operazzjoni għal trapjant tal-pulmun fiċ-ċentru tal-ISMETT f’Palermo. Permezz tal-ftehim iffirmat, din il-ġimgħa l-ISMETT se jkun qiegħed jassisti pazjenti Maltin f’każijiet ta’ trapjanti tal-pulmun, trapjanti tal-fwied, u trapjanti tal-kliewi.
Il-ftehim iffirmat jitratta wkoll taħriġ speċjalizzat għal professjonisti Maltin f’diversi oqsma, fosthom dak tal-implantazzjoni tal-qalb, tal-kliewi u l-frixa.
Il-ftehim min-naħa ta’ Malta ġie ffirmat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li qal li b’kollaborazzjonijiet ma’ ċentru bħall-ISMETT, il-pazjenti Maltin qegħdin jingħataw l-aqwa trattament possibbli. “Dan il-ftehim huwa importanti mhux biss għall-pazjenti li se jkunu qegħdin jagħmlu użu minnu, iżda wkoll mil-lat ta’ taħriġ. Illum il-ġurnata, grazzi għat-taħriġ li ngħataw speċjalisti Maltin f’Palermo, u grazzi għall-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet, interventi bħalma hi t-Transjugular Intrahepatic Portosystematic Shunt (TIPS) qegħdin isiru f’pajjiżna,” qal Chris Fearne.