ARA: Kwarta 'l bogħod mill-bidu tat-Tazza tad-Dinja 2018 fir-Russja | One News

Notifiki

ARA: Kwarta ‘l bogħod mill-bidu tat-Tazza tad-Dinja 2018 fir-Russja

Nofs siegħa qabel bdiet l-ewwel logħba tat-Tazza tad-Dinja elfejn u tmintax, fil-Grawnd Luzhniki se ssir iċ-ċerimonja tal-ftuħ.

Din se ssir fl-istess grawnd li fih se tkun qed issir ukoll il-finali tal-istess kompetizzjoni nhar il-Ħadd ħmistax ta’ Lulju.

F’Moska, fi grawnd ippakjat sa ruħ ommu, bil-maġġoranza tal-ispettaturi jkunu Russi, iċ-ċerimonja tal-ftuħ bla dubju mistennija tkun ikkaratterizzata minn diversi wirjiet ta’ kant.

Bla dubju, l-attenzjoni prinċipali se tkun fuq il-kantant Ingliż Robbie Williams, li dejjem kienet il-ħolma tiegħu li jkantaw waqt il-ftuħ tat-Tazza tad-Dinja.

Mal-eks stilla tal-grupp Take That se tingħaqad ukoll is-soprana Russa Aida Garifullina.

B’differenza minn ċerimonji passati, dik li se ssir il-Ħamis wara nofsinhar f’Moska għandha stil differenti, hekk kif kienet se tkun iktar iffukata fuq il-kant u ferm eqreb lejn il-ħin li se tibda l-ewwel logħba.

It-tmenin elf li huma preżenti fil-Grawnd Luzhniki u kif ukoll il-miljuni oħra li se jsegwu ċ-ċerimonja jistgħu jgawdu l-ilħna tal-kantanti tal-opera Placido Domingo u t-tenur Peruvjan Juan Diego Florez.

Ma jonqsux ukoll wirjiet minn talent lokali Russu, bħal pjanist Denis Matsuev u l-istillel tal-opera Anna Netrebko, Yusif Eivazov, Ildar Abdrazakov u Albina Shagimuratova.

U bħalma jsir waqt iċ-ċerimonji tal-ftuħ, ser tindaqq ukoll id-diska uffiċċjali tat-Tazza tad-Dinja, li jisimha Live It Up, kantata minn Will Smith, Nicky Jam u Era Istrefi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend