Skopri Għar Dalam bil-lejl | One News

Notifiki

Skopri Għar Dalam bil-lejl

Heritage Malta qegħda toffri opportunitá unika lill-pubbliku biex jesplora Għar Dalam u l-madwar bil-lejl.

L-attivitá tibda bi spjega qasira dwar il-biodiversitá tal-inħawi u wara l-viżitaturi jibdew jimxu lejn l-għar fejn fil-ġnien se jkollhom l-opportunitá jisimgħu l-friefet il-lejl fejn se jintuża wkoll apparat teknoloġiku apposta. Żewġ speċi ta’ friefet il-lejl jabitaw proprju fl-għar ta’ Għar Dalam.

Fl-istess waqt se jinxtegħel dawl apposta biex jattira l-insetti fejn hemmhekk se ssir spjega dwar dawn l-insetti kif ukoll referenza dwar l-istudji entomoloġiċi fil-gżejjer Maltin u r-rabta bejn l-insetti u l-friefet il-lejl.

L-attivitá tkompli bi żjara fl-għar u spjega dwar l-iskoperti ta’ annimali li abitaw f’Malta snin ilu u dawk li għadhom jgħixu fl-għar fil-preżent. L-għar huwa sit importanti ħafna għall-panteoloġija, l-arkeoloġija u l-ekoloġija. Dan għax l-istrati tal-blat jitfgħu dawl fuq l-istorja tal-għar u ta’ Malta.

Is-sejba ta’ Għar Dalam fis-Seklu 19 kellha relevanza kbira għall-istorja preistorika ta’ pajjiżna wara li fl-iskavar ġew skoperti għadam ta’ bnedmin u ta’ annimali flimkien ma’ artefatti. Fil-preżent l-għar għadu d-dar ta’ diversi speċi ta’ annimali, u uħud minnhom huma ta’ interess kbir għall-fatt li speċi endemika tinstab f’dan is-sit biss. Dawn l-annimali u oħrajn se jkunu l-qofol taż-żjara fil-għar f’din l-attivitá.

Is-sit kollu ta’ Għar Dalam jikkonsisti fl-għar, sala fuq stil Vittorjan, sala oħra ta’ interpretazzjoni u ġnien b’siġar u pjanti indiġeni Maltin.

L-attivitá se ssir nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Ġunju fis-7.00pm. Il-biljetti għall-prezz ta’ €13 għall-adulti, €10 għall-anzjani u studenti u €9 għat-tfal u membri ta’ Heritage Malta, jistgħu jinxtraw mis-siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta kif ukoll online.

Għal iktar tagħrif dwar Heritage Malta u l-attivitajiet organizzati mill-aġenzija żuru l-website, www.heritagemalta.org, jew il-paġna uffiċjali tal-aġenzija fuq facebook.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend