Dalgħodu għal ewwel darba b’mod storiku iltaqgħu l-mexxejja tal-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq. Il-President Amerikan Donald Trump u l-Mexxej Korean Kim Jong-Un fil-gżira ta’ Sentosa f’Singapore. Dan wara deċenji ta’ ostilità u sanzjonijiet.
Wara sena mmarkata minn skambjar ta’ tgħajjir u nsulti, din il-laqgħa kienet żvilupp li ftit kienu jimmaġinaw. Iż-żewġ mexxejja iltaqgħu għal ħabta tat-3:00am ħin ta’ Malta.
Iż-żewġ mexxejja ddiskutew kif se titnaqqas it-tensjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u diżarmament nukleari fil-peniżola Koreana, u ffirmaw dokument li jikkommetti lil Korea ta’ Fuq tibda proċess ta’ denukleariżazzjoni u li l-Istati Uniti toffri garanziji ta’ sigurtà lil Korea ta’ Fuq, filwaqt li jkun hemm relazzjonijiet ġodda bejn iż-żewġ pajjiżi.
Madanakollu analisti huma xettiċi dwar x’se jkun l-eżitu ta’ dan is-summit. Filwaqt li uħud jgħidu li dan se jwitti t-triq għal paċi, b’oħrajn isostnu li din m’hi xejn għajr rebħ ta’ propoganda għal Kim.