Summit ta' suċċess bejn żewġ mexxejja kontroversjali | One News

Notifiki

Summit ta’ suċċess bejn żewġ mexxejja kontroversjali

Il-President Amerikan Donald Trump ddeskriva  s-summit storiku mal-mexxej Korean Kim Jong-Un  bħala wieħed ta’ suċċess. Dan qed ikun meqjus bħala summit storiku bejn l-Istati Uniti u l-Peniżula Koreana.

Fost affarijiet oħra fil-qbil unanimu ffirmat miż-żewġ mexxejja nsibu giljottina fuq armi nukleari fuq il-peniżula Koreana. Trump qal ukoll li se jwaqqaf eżerċizzji militari milli jsiru fil-Korea ta’ Isfel.

Iżda l-mument li ħafna kienu qed jistennew, kważi iżjed mill-eżitu tas-summit, kienet il-qabda tal-id bejn iż-żewġ mexxejja u l-atteġġjament waqt li kienu qedgħin jagħmlu dan.

Skont esperti tal-komunikazzjoni non-verbali, il-President Trump kien vera anzjuż biex jidher dominanti fuq il-mexxej Kim Jong-Un tal-Korea ta’ Fuq. L-istess esperti qalu wkoll li Trump u Kim ma kienux daqshekk intiżi li jimpressjonaw lil xulxin imma biex jimpressjonaw liċ-ċittadini tagħhom fl-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq rispettivament.

L-anzjetà ta’ Trump ħarġet fil-beraħ meta għal darba darbtejn ipprova jieħu l-kontroll tas-sitwazzjoni billi jtaptap fuq dirgħajn il-mexxej Korean waqt li kien qiegħed joħodlu b’idejh.

Meta l-mexxejja poġġew bilqiegħda, spikkat l-apparenza ta’ Trump jilgħab b’idejh, li twassal messaġġ li kien jinsab xi ftit jew wisq aġitat. Min-naħa l-oħra, Kim kien vera attent biex jikkontrolla l-ispazju tiegħu u poġġa bilqiegħda lejn it-tarf tal-putruna, li tindika li Kim kien komdu fis-sitwazzjoni u li kien mhedi biex jasserta l-qawwa tiegħu.

L-esperti tennew jgħidu li mill-filmati, probabilment Kim Jong-Un liebes tip ta’ żarbun li jnaqqas id-differenza tat-tul bejnu u l-President Amerikan.

Ta’ QabelLi Jmiss