ARA: Beda t-trasferiment tal-immigranti minn fuq l-Aquarius għal fuq bastiment Taljan | One News

Notifiki

ARA: Beda t-trasferiment tal-immigranti minn fuq l-Aquarius għal fuq bastiment Taljan

Il-bastiment Aquarius beda jittrasferixxi mal-500 immigrant li għandu abbord bastimenti oħra tas-servizz Navali Taljani li se jkunu qegħdin jakkumpanjawh sad-destinazzjoni tiegħu f’Valencia fi Spanja.

It-trasferiment tal-immigranti qed isir minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet preżenti fuq il-bastiment Aquarius huma ħżiena ħafna tant li kien mimli sa ruħ ommu.

Il-bastiment mistenni jdum madwar erba’ t’ijiem biex jasal ġewwa Valencia.

Kmieni t-Tlieta filgħodu l-Aquarius irċieva konsenja ta’ għajnuna mill-awtoritajiet Taljani wara li l-awtoritajiet Maltin għamlu l-istess matul il-jum tat-Tnejn.

Il-vapur kien ilu maqbud f’ibħra internazzjonali għal jumejn wara li l-Italja, permezz tal-Ministru tal-Intern Matteo Salvini rrifjutat li ddaħħal l-immigranti anki jekk kellha l-obbligu li ddaħħal is-sitt mija u disgħa u għoxrin immigrant fil-portijiet tagħha

Malta rrifjutat li ddaħħal l-immigrant għax l-awtoritajiet Maltin la kienu l-awtorità kompetenti u lanqas l-awtorità li kienet qed tikkordina l-operazzjoni ta’ salvataġġ biex imbgħad iżjed tard Spanja ħabbret li kienet hi li kienet se tieħu l-immigranti.

Fid-dawl ta’ dan, il-Prim Ministru Joseph Muscat, tard it-Tnejn filgħaxija, permezz ta’ telefonata, tkellem mal-Prim Ministru Spanjol u rringrazzjah tal-intervent f’waqtu.

Waqt it-telefonata, iż-żewġt mexxeja ddiskutew l-immigrazzjoni u s-sitwazzjoni fil-Mediterran fejn esprimew ir-rieda li jaħdmu id f’id fir-rigward ta’ każijiet bħal dawn.

Sadanittant, kelliem għall-President Franċiż Emmanuel Macron qal li l-atteġjament tal-Italja fil-konfront ta’ din is-sitwazzjoni tal-immigranti hu wieħed diżgustanti u żied jgħid li mhux aċċettabli li wieħed jilgħab b’ħajjet in-nies.

Macron kkundanna l-azzjonijiet tal-Gvern Taljan u akkużah li qed ikisser l-integrita tal-pajjiż u jmur kontra l-obbligi tal-liġijiet internazzjonali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend