55,000 persuna jitilgħu Għawdex għal diversi ċelebrazzjonijiet fi tmiem il-ġimgħa – One News

Notifiki

55,000 persuna jitilgħu Għawdex għal diversi ċelebrazzjonijiet fi tmiem il-ġimgħa

55,000 persuna żaru l-gżira Għawdxija fi Tmiem il-Ġimgħa li għaddiet għal diversi ċelebrazzjonijiet. B’kollox il-vapuri tal-Gozo Channel għamlu 202 vjaġġ.

 

Fost oħrajn kien hemm ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Belt Victoria bil-kunċerti ‘RockAstra’ u għal ‘Leone goes Pop’.

 

Fil-ġonna publiċi tal-Villa Rindle, ittella’ għall-ewwel darba f’Għawdex il-‘Bee and Honey Fest’, festival marbut man-naħal u l-industrija relatata. Kien imfakkar ukoll l-avveniment storiku ta’ meta t-truppi Franċiżi, 220 sena ilu, invadew lil Għawdex u ħadu kmand tal-gżira. Dan ir-reenactment, magħmul minn 550 persuna liebsa l-ilbies tal-epoka, ta ħarsa lejn l-episodji ewlenin li nisġu l-istorja u ħa lil kull min kien preżenti lura fl-istorja.

 

Il-festival ‘Abode on the rock’ attira 1,700 żagħżugħ u żagħżugħa barranin lejn il-gżira Għawdxija, liema festival ħalla impatt ekonomiku tajjeb u ġġenera ħafna xogħol.

 

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana tkellmet fuq kif Għawdex esperjenza tmiem il-ġimgħa mill-aqwa. Kull min kien preżenti kellu għażliet varji ta’ postijiet fejn jirrilassa. Justyne Caruana qalet ukoll li avvenimenti bħal dawn qed ikomplu jattiraw lejn Għawdex aktar turisti, kemm lokali u barranin, li qed jiġu jgawdu mhux biss il-ġmiel naturali tal-gżira, iżda wkoll it-talenti u l-kreattività ta’ Għawdex. B’hell,  l-istrateġija li qed jadotta l-Ministeru għal Għawdex qed tagħti l-frott hekk kif Għawdex qed joffri xi ħaġa għall-gosti ta’ kulħadd.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend