L-ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli qalet li l-Ministeru tal-Intern Taljan Matteo Salvini mhux biss hu żbaljat dwar l-interpretazzjoni tiegħu tal-liġi, iżda b’mod konxju qiegħed iqarraq biex jissodisfa l-aġenda populista tiegħu.
Dr Dalli qalet li kienet tistenna li dwar din il-kwistjoni, l-ewroparlamentari kollha Maltin jkunu magħqudin biex jassiguraw li Malta ma tispiċċax il-ħaruf tas-sagrifiċċju tar-retorika politika Taljana.
Sostniet li minflok, Metsola kompliet bl-aġenda tagħha li tattakka lill-Gvern ta’ Malta meta taf li huwa l-Gvern Taljan li qiegħed jaġixxi bi ksur tal-liġi.
Dr Dalli sostniet li din hija tfakkira għall-Unjoni Ewropea biex tagħti importanza ewlenija lill-kwistjoni tal-immigrazzjoni u ssib soluzzjonijiet li jaħdmu.
Hija żiedet tgħid li din mhix kwistjoni li Malta u l-Italja għandhom jissieltu waħidhom waqt li l-istati membri l-oħra Ewropej qed jibqgħu gallarija.