Ċifri proviżorji li ngħata l-Gvern mill-banek u istituzzjonjiet finanzjarji juru li f’anqas minn għaxar sigħat inħatfu kollha l-bonds tal-Gvern għall-anzjani li għandhom ‘il fuq minn tnejn u sittin sena.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna f’kummenti ma’ One News. Huwa qal li fl-ewwel jum, il-Gvern mhux biss laħaq il-mira li kellu ta’ aktar minn ħamsa u sittin miljun ewro, iżda ntlaħqet is-somma ta’ ħamsa u tmenin miljun ewro.
Il-Ministru Scicluna żied jgħid dawk li għadhom ma ħadux sehem fl-iskema għadhom biċ-ċans li jagħmlu dan hekk kif il-Gvern approva riserva ta’ mitt miljun ewro.
Il-parteċipanti jistgħu jinvestu sa massimu ta’ tmint elef ewro.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal ma’ One News li “Bi pjaċir ngħid li fl-aħħar tal-ewwel ġurnata, għax dawn ingħataw jumejn, nistgħu ngħidu li s-somma li kellna l-mira f’moħħna ta’ €65 miljun inqabżet għax telgħet għal €85 miljun. Aħna xorta għamilna riżerva ta’ €100 miljun li nibqgħu naċċettaw nies li jkunu jixtiequ jixtru dawn il-Bonds.”