Il-Prim Ministru ġdid Spanjol Pedro Sanchez ħabbar li Spanja se tilqa’ l-vapur Aquarius, li fl-aħħar sigħat kien is-sors ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Malta u l-Italja.
Il-Prim Ministru Spanjol qal li l-vapur se jidħol fil-port ta’ Valencia, u żied jgħid li ħa din id-deċiżjoni minħabba raġunijiet umanitarji.
Il-vapur Aquarius li fuqu hemm 626 immigrant, inkluż tfal u nisa tqal, ġie rrifjutat mill-Gvern Taljan, bil-mexxej tal-partit tal-lemin estrem Taljan Lega Nord sostna li kellha tkun Malta li tilqa’ fi ħdanha dan il-vapur. Dan minkejja li r-regoli internazzjonali jsostnu mod ieħor – u li fil-fatt kienet l-Italja li kellha din ir-responsabbiltà.
B’reazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat ta ħajr lill-Prim Ministru Spanjol għad-deċiżjoni tiegħu li jdaħħal il-vapur Aquarius f’port fi Spanja wara li l-Italja kisret ir-regoli internazzjonali. Qal li Malta se tkompli tibgħat provvisti ta’ xorb u ikel fuq il-vapur. Dr Muscat sostna li jridu jsiru diskussjonijiet biex din is-sitwazzjoni ma terġax tirrepetix ruħha waqt li sostna lidin hija kwistjoni Ewropea.
I thank #Spain PM @sanchezcastejon for taking in #Aquarius after #Italy broke international rules and caused a standoff. #Malta will be sending fresh supplies to the vessel. We will have to sit down and discuss how to prevent this from happening again.This is a European issue -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) June 11, 2018