Il-mili tal-formoli tat-taxxi mill-komunità fejn tgħix – One News

Notifiki

Il-mili tal-formoli tat-taxxi mill-komunità fejn tgħix

Għat-tieni sena konsekuttiva, servizz.gov b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi, se jkun qed joffri assistenza fil-mili tal-formoli tat-taxxi miċ-ċentri reġjonali ta’ servizz.gov kif ukoll f’numru ta’ skejjel tal-gvern.

Din hija inizjattiva oħra fost il-ħoloq ta’ inizjattivi li imbarka fuqhom is-servizz pubbliku bil-għan li ċ-ċittadin ikun moqdi aħjar. U ejja nkunu realistiċi, il-formoli tat-taxxa, minħabba n-natura tagħhom, xejn ma huma faċli biex timliehom. Għalhekk se jkun hemm uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi biex fl-erba’ nofstanhari tas-Sibt 9, 16, 23 u 30 ta’ Ġunju, iċ-ċittadin ikun jista’ jirrikorri fl-iskejjel tal-Gvern u f’żewġ ċentri reġjonali ta’ servizz.gov biex jinqdew, b’dawn tal-aħħar joffru servizz f’żewġ Sibtijiet, dak tad-9 u tat-23 ta’ Ġunju.

Kulma jmur is-servizz mogħti fil-qalba tal-komunità ta’ fejn jgħix iċ-ċittadin qed ikompli jissaħħaħ. B’hekk il-pubbliku qed jiffranka l-iskariġġ u l-ħela ta’ ħin biex jidħol il-Belt Valletta biex jinqeda. Tant hu hekk li s-servizzi offruti mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi huma estiżi f’żewġ ċentri reġjonali ta’ servizz.gov, dak tal-Birgu u ta’ Ħal Qormi biex iċ-ċittadin ikollu żewġ postijiet oħra minn fejn jinqeda apparti dak tal-Furjana. Dan is-servizz huwa offrut ta’ kull ġimgħa f’servizz.gov.

Minbarra appuntamenti wiċċ imb wiċċ fiċ-ċentri reġjonali, il-pubbliku jista’ wkoll jagħmel kuntatt permezz tal-Freephone 153 u jagħżel l-għażla numru 1 għal kwistjonijiet relatati ma’ taxxa u finanzi fejn hemmhekk isib persuni li jistgħu jgħinu lill-individwu fi kwistjonijiet speċifiċi. Ovvjament minħabba l-protezzjoni tad-dejta, ċertu informazzjoni ma tistax tingħata minn fuq it-telefon, iżda ċertament li tista’ tingħata informazzjoni u assistenza fil-mili ta’ formoli.

Fejn jidħlu pagamenti ta’ tassazzjoni, din tista’ saħansitra ssir mill-kumdità ta’ darek jew mill-mowbajl tiegħek billi tidħol fis-sit elettroniku servizz.gov.mt, tagħfas fuq il-qasam tat-Taxxa u Finanzi, Tassazzjoni, Pagamenti Onlajn u hemmhekk issib għażla wiesgħa ta’ servizzi li permezz tagħhom tista’ tħallas onlajn. Tista’ tħallas il-VAT, it-taxxa tad-dħul u min iħaddem jista’ saħansitra jissottometti l-FS5 onlajn ukoll.

Iktar dettalji dwar l-assistenza li se tingħata matul dan ix-xahar fil-mili tal-formoli tat-taxxa jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi cfr.gov.mt jew inkella fuq http://servizz.gov.mt

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Send this to a friend