L-ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola ħarġet tattakka d-deċiżjoni ta’ Malta li l-immigranti abbord il-bastiment Acquarius ma jidħlux f’Malta.
Minkejja li Malta qiegħda timxi b’konformità sħiħa mal-obbligi internazzjoanali tagħha, l-ewroparlamentari Nazzjonalista ħarġet tattakka lill-Prim Ministru Joseph Muscat għax skont hi qiegħed ikun populist bħal Minstru tal-Intern Taljan Matteo Salvini meta dan tal-aħħar iddeċieda li jagħlaq il-portijiet fl-Italja.
Fost dawk li ħarġu jappoġġjawha kien hemm id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Dan meta huwa l-Gvern Taljan li qiegħed jikser il-liġijiet marittimi internazzjonali dwar il-vapur Acquarius.
B’reazzjoni l-ewroparlamentari Laburista Miria Dalli qalet li l-Ministeru tal-Intern Taljan Matteo Salvini mhux biss hu żbaljat dwar l-interpretazzjoni tiegħu tal-liġi, iżda b’mod konxju qiegħed iqarraq biex jissodisfa l-aġenda populista tiegħu.
Dr Dalli qalet li kienet tistenna li dwar din il-kwistjoni, l-ewroparlamentari kollha Maltin jkunu magħqudin biex jassiguraw li Malta ma tispiċċax il-ħaruf tas-sagrifiċċju tar-retorika politika Taljana.
Sostniet li minflok, Metsola kompliet bl-aġenda tagħha li tattakka lill-Gvern ta’ Malta meta taf li huwa l-Gvern Taljan li qiegħed jaiġixxi bi ksur tal-liġi.
Dr Dalli sostniet li din hija tfakkira għall-Unjoni Ewropea biex tagħti importanza ewlenija lill-kwistjoni tal-immigrazzjoni u ssib soluzzjonijiet li jaħdmu.
Hija żiedet tgħid li din mhix kwistjoni li Malta u l-Italja għandhom jissieltu waħidhom waqt li l-istati membri l-oħra Ewropej qed jibqgħu gallarija.