U-turn oħra tal-viċi kap Nazzjonalista | One News

Notifiki

U-turn oħra tal-viċi kap Nazzjonalista

Wara l-barax ta’ kritika li qala’, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius reġa’ lura minn kliemu.

Mindu tħabbar is-Central Link Project, proġett li se jindirizza l-problema tat-traffiku fiċ-ċentru ta’ Malta, Agius ma waqafx jikkritika dan l-investiment fl-infrastruttura ta’ pajjiżna b’nefqa ta’ ħamsa u ħamsin miljun ewro.

Fi kliemu stess, huwa kien saħaq li dal-proġett m’ għandux isir.

Kienu ħafna dawk li ma qablux mal-Viċi Kap Nazzjonalista, fosthom l-eks kunsillier tal-Partit Nazzjonalista f’Ħ’Attard Herbert Messina Ferrante.

F’ittra li kien ippublika fit-Times of Malta, Messina Ferrante kien sostna li dal-proġett se jsolvi bosta problemi, fosthom it-tniġġis tal-arja.

Semma wkoll kif amministrazzjonijiet preċedenti kienu jafu b’dil-problema iżda qatt ma għamlu xejn.

Dan filwaqt li fl-aħħar jiem, editorjal tal-Malta Independent sostna li wasal iż-żmien li min qed imexxi ma jibqax jagħti kas iktar il-kritika bla bażi li qed issir u jkompli jaħdem fuq it-toroq Maltin.

Bi kliem iebes, l-editorjal kien qal li Agius ipprova jirrappreżenta lill-kostitwenti tiegħu, iżda falla bil-kbir. Dan għax fi kliem l-editur, minflok jgħin biex il-proġett isir, qed jippolitiċizza proġett bżonnjuż għall-kostitwenti tal-istess deputat.

B’reazzjoni għal dan l-editorjal, David Agius qal li fl-ebda punt ma qal li kien favur jew kontra l-proġett tal-bypass ta’ Ħ’Attard.

Dikjarazzjoni li tistona sew ma’ dak li kien qal lejn l-aħħar ta’ Mejju, fejn appella lill-gvern biex ma jagħmilx il-bypass imsemmija.

Dakinhar huwa kien tkellem dwar żieda fl-emissjonijiet. Xi ħaġa li tmur lil hinn minn dak li hemm pjanat, hekk kif il-proġett mistenni jnaqqas l-emmissjonijiet bi tlettax fil-mija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend