Suċċess enormi bil-ktieb dwar Joseph Muscat | One News

Notifiki

Suċċess enormi bil-ktieb dwar Joseph Muscat

Il-ktieb Joseph Għaxar Snin Mexxej kien suċċess kbir. Eluf ta’ kopji personalizzati kienu ordnati u eluf oħra nbiegħu miċ-Ċentru Nazzjonali  Laburista u mill-ħwienet tal-kotba. Tant li jirriżulta li baqa’ biss ftit kopji minn ħwienet tal-kotba ewlenin x’jinbiegħu. Fil-fatt min imur biex jixtri kopja miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jkun qed jagħmel dan għalxejn għax l-aħħar kopji nbiegħu fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid nhar l-Erbgħa li għadda.

Aleander Balzan, id-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista, qal li l-fatt li dan kien it-tielet ktieb dwar Joseph Muscat seta’ wassal biex kien hemm min ħaseb li mhux se jkun popolari daqs ta’ qablu. Iżda, l-intervisti, l-analiżi u l-album tar-ritratti għamluh ktieb mill-iktar uniku.

“It-talba għalih kienet fenomenali. Nies ta’ esperjenza fissru magħna kif qatt ma raw talba ta’ dan it-tip għal ktieb politiku meta mhux f’kampanja elettorali,” qal Balzan li fisser kif kien hemm mumenti kif kważi kull min mar jiġbor il-ktieb ordnat miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista xtara wieħed għal xi ħaddieħor li wara li rrealizza l-kontenut tiegħu hu wkoll ried li jkollu kopja fil-librerija.

“Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll l-interess li ġibed mill-midja. Dan proprju għax kien fih ħsibijiet interessanti ta’ nies minn oqsma differenti u anke aħbarijiet,” żied Balzan li fisser bħala l-intervista mas-Sinjura Michelle Muscat fost l-iktar li ġibdu attenzjoni tal-ġurnalisti anke minħabba d-dikjarazzjonijiet tagħha dwar l-ikbar politika fl-istorja.

Balzan fisser kif il-ktieb issimbolizza wkoll l-iskop wara l-kampanja #JM10. “Tirrikonoxxi l-kisbiet. Għax inkella tkun qed tonqos. Iżda, l-awtokritika u s-suġġerimenti għall-ġejjieni kienu l-qofol ta’ dak li ridna niċċelebraw. Fil-business breakfast li għamilna t-Tnejn li għadda ġibna kważi l-ilħna kollha fis-soċjetà biex jgħidulna xi jridu għal Malta ta’ Għada u mhux biex itaptpulna fuq darna. Issa dak kollu jservina ta’ bażi biex inkomplu niġġeddu u nħejju l-politika għaż-żmien li ġej,” qal Aleander Balzan.

Dawk li ordnaw ktieb personalizzat u għadhom ma ġabruhx miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista huma mistiedna jagħmlu dan għada bejn id-9.30 u s-19.00. Eluf diġà ġabru l-kopja tagħhom fil-jiem li għaddew u baqa’ biss ftit mijiet ta’ kopji x’jinġabru. Importanti li wieħed jagħmel dan għada. Miegħu jieħu l-irċevuta jew il-karta tal-identità.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend