Il-Ministru l-ġdid tal-Intern Taljan irrifjuta li jagħti permess lil għaqda mhux governattivi biex iddaħħal fl-Italja vapur b’aktar minn sitt mitt immigrant li ġew salvati lil hinn mill-kosta tal-Libja.
Matteo Salvini, il-mexxej tal-partit tal-lemin estrem tal-Lega nord qal li Malta għandha ddaħħal il-vapur Aquarius.
Madankollu fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà nazzjonali ta’ Malta qal l-operazzjoni ta’ salvataġġ saret fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ fil-Libja u ġiet ikkordinata miċ-ċentru ta’ salvataġġ f’Ruma.
Il-Ministeru qal li f’dan il-każ, iċ-ċentru ta’ salvataġġ ta’ Malta la kien l-awtorità kompetenti u lanqas dik ta’ koordinazzjoni.
L-għaqda mhux governattiva SOS Mediterranee li tmexxi l-vapur Aquarius, qalet li s-626 immigrant ġew salvati minn sitt postijiet differenti lil hinn mill-kosta tal-Libja matul il-jum tal-Ħadd.
Il-kelliem tal-NGO, Mathilde Auvillain qalet li l-vapur ingħata l-ordni li jbaħħar lejn it-Tramuntana u kien qiegħed jistenna “struzzjonijiet definittivi”.