ARA: Kif Malta mxiet għall-aqwa żmien – One News

Notifiki

ARA: Kif Malta mxiet għall-aqwa żmien

Analiżi ekonomika ta’ kif żviluppa pajjiżna fl-aħħar 10 snin turi li t-tmexxija ta’ Malta mill-moviment ta’ Joseph Muscat bidlet ta’ taħt fuq il-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna.

Ir-riċerka fuq għaxar indikaturi ewlenin turi li f’kull każ, is-sitwazzjoni llum hi ħafna aħjar minn għaxar snin ilu, u l-istess meta mqabbla ma’ ħames snin ilu.

Fost l-indikaturi ewlenin jispikkaw dawk tat-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fl-impjiegi.

Is-sena li għaddiet it-tkabbir ekonomiku kien id-doppju mis-sena elfejn u tmienja, fejn kien hemm tkabbir ta’ tlieta punt tlieta fil-mija, filwaqt li ż-żieda fl-impjiegi s-sena li għaddiet kienet kważi tliet darbiet aktar mill-elfejn u tmienja.

In-nies fuq ir-reġistru tal-qgħad ukoll niżlu għal ftit aktar minn kwart tal-ammont li kien hemm fl-elfejn u tmienja.

Jispikka wkoll is-surplus ta’ erba mija erbgħa u tletin punt sitt miljun ewro taħt Gvern Laburista, meta mqabbel ma’ żbilanċ ta’ mitejn sitta u ħamsin miljun ewro fl-elfejn u tmienja taħt Gvern Nazzjonalista.

Il-piż tad-dejn nazzjonali wkoll ra bidla hekk kif fl-elfejn u tmienja kien kważi tlieta u sittin fil-mija tal-ġid nazzjonali filwaqt li s-sena li għaddiet naqas taħt il-wieħed u ħamsin fil-mija.

Fl-analiżi jirriżulta wkoll li s-sena li għaddiet, il-Gvern nefaq mitejn disgħa u erbgħin miljun ewro fuq proġetti kapitali. Mitt miljun aktar minn għaxar snin ilu taħt Gvern Nazzjonalista, hekk kif intefaq biss mija erbgħa u ħamsin miljun ewro.

L-indikatur tal-inflazzjoni wkoll wera’ progress hekk kif ukoll naqas bi tlett darbiet anqas mir-rata tal-2008.

In-numru ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali severa naqsu għal erbatax-il elf wara li fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista, dan in-numru sploda għal ħamsa u tletin elf persuna.

L-aħħar żewġ indikaturi juru li d-dħul disponibbli medju tela’ minn għaxart elef ewro għal kważi tlettax-il elf u sitt mitt ewro, u li l-familji illum għandhom fil-bank kważi d-doppju ta’ dak li kellhom fl-elfejn u tmienja.

Din l-analiżi ġġib fix-xejn l-impressjoni li jipprovaw jagħtu l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista – dik li qabel l-elfejn u tlettax, pajjiżna diġà kellu sitwazzjoni li tiffjorixxi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend