Anzjana ta’ 75 sena tilfet ħajjitha il-Ħadd filgħaxija wara li ħassitha ma tiflaħx waqt li kienet qed tgħum fil-bajja ta’ Marsalforn limiti taż-Żebbuġ, Għawdex.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-05:00 ta’ wara nofsinhar fejn il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’bajja li hemm viċin Triq il-Menqa fiż-Żebbuġ Għawdex wara li mara ta’ 75 sena residenti r-Rabat Għawdex kienet qed tgħum fl-istess bajja u ttellgħet l-art minn xi nies wara li ma bdietx tħossha sew.
Immedjatament ssejħet ambulanza fuq il-post, li ħadet lil anzjana l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex tingħata l-kura meħtieġa fejn sfortunatament tilfet ħajjitha ftit tal-ħin wara.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. Vella Cuschieri li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin.