Ħareġ mill-isptar Mater Dei, il-kuntistabbli Simon Schembri li f’nofs Mejju li għadda safa mtajjar waqt il-qadi ta’ dmirijietu f’Ħal Luqa.
Schembri ġarrab ġrieħi gravi u għamel żmien fil-periklu li jitlef ħajtu meta safa mtajjar minn ġuvni ta’ sbatax-il sena li kien qiegħed isuq vettura bla liċenzja. Huwa ġarrab ġrieħi gravi f’idu u fil-kaxxa ta’ sidru.
Filmat mibgħut lil one.com.mt juri lill-kuntistabbli Schembri ħiereġ mill-Isptar Mater Dei flimkien ma’ martu u ż-żewġ uliedu kmieni s-Sibt waranofsihar. Huwa deher isellem lill-kollegi tiegħu li marru jistennewh ħiereġ mill-isptar wara ġimgħat sħaħ li matulhom ingħata l-kura għall-ġrieħi serji li ġarrab b’mod partikolari fid-driegħu l-leminija.
Hekk kif xiref ‘il barra mill-għatba ta’ isptar b’idu u siequ nfaxxati, viżibbilment emozzjonati, il-kollegi sħabu laqgħuh b’applaws kbir u sellmulu għall-ħidma tiegħu fil-Korp tal-Pulizija. Huwa deher jieħu b’idejn għadd ta’ Pulizija tat-traffiku li marru bil-muturi tagħhom jistennewh ħiereġ mill-isptar.
Il-kuntistabbli Schembri safa mtajjar u mkaxkar madwar erba’ mitt metru wara li waqqaf lil Liam Debono li llum jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil tiegħu.
Fl-aħħar ta’ Mejju li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat wiegħed li l-Gvern se jkun qed jiffinanzja l-kura kollha li hemm bżonn. Dr Muscat assigura lill-familja tal-kuntistabbli Schembri li l-Gvern se jħallas għall-kura kollha neċessarja li se jkollu bżonn kemm f’Malta u kemm barra.
F’laqgħa privata li Dr Muscat kellu ma’ mart Schembri u l-familja, il-Prim Ministru assigurahom li Simon mhux se jitlef l-ebda benefiċċji u li l-Gvern se jara li jirċievi l-aqwa kura possibbli, f’Malta u lill-hin minn xtutna.
Il-Prim Ministru assigura wkoll li l-ispejjeż kollha se jagħmel tajjeb għalihom il-Gvern u offra għadd ta’ għażliet lil Simon ladarba jirkupra għalkollox minn dan l-inċident li ħasad pajjiż.