Lufthansa Technik Malta wettqet investiment tas-sittin miljun ewro f’Malta, fil-ħmistax-il sena li ilha topera f’pajjizna.
Lufthansa Technik f’Malta li fit-tmien xhur impjegaw ħamsin impjegat. Impjegati li ngħataw taħriġ u komplew ikabbru t-talent tagħhom.
Il-ħmistax-il sena anniversarju ta’ din il-kumpanija tal-avjazzjoni f’Malta, kien imfakkar f’ċerimonja fil-Hanger tal-Lufthansa Technik.
Għaċ-ċerimonja attenda l-Prim Ministru Joseph Muscat li fisser kif iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan l-anniversarju, hija ċ-ċelebrazzjoni għalina lkoll.
Il-Prim Ministru sejjaħ l-istorja tal-Lufthansa f’Malta bħala sinjal ċar ta’ dak li pajjizna joffri – stabbilità, opportunita għat-tkabbir u ħaddiema b’saħħithom u kapaċi.
Hawn spjega l-ħidma tal-Gvern sabiex jassigura li kumpaniji u negozji li jagħzlu li jirrelokaw f’pajjiżna jkollna l-aħjar ħaddiema biex ikomplu jagħmlu suċċess. Żied li huwa kruċjali li nilqgħu għad-domanda ta’ industriji diversi li qegħdin jikbru f’Malta, fosthom l-industrija tal-avjazzjoni.
Bħala pajjiz aħna kburin bil-kwalità u talent tal-ħaddiema tagħna – iddikjara l-Prim Ministru Jospeh Muscat.
Iżda m’għandna nieħdu xejn kif ġieb u laħaq u l-Gvern qiegħed ikompli jinvesti fl-edukazzjoni u fit-taħrig sabiex nippreparaw lill-ħaddiema tal-ġenerazzjoni li jmiss għall-isfidi ta’ għada.
Il-Prim Ministru spjega kif is-suċċess tal-ħidma tal-Gvern, tintlaħaq fi stejjer bħal dawn. Kumpaniji li jafdaw f’pajjiżna u fil-ħaddiema Maltin li jaħdmu tant sabiex jakkwistaw l-aħjar għall-familjari tagħhom.
Malta saret destinazzjoni għall-investiment. Bl-industrija tal-avjazzjoni qed tkompli tkun tas-suċċess , filwaqt li qegħdin nkunu xhieda tas-setturi oħrajn li qegħdin ifittxu l-post strateġiku tagħna biex jiksbu aċċess għas-suq Ewropew, iddikjara l-Prim Ministru.
Suċċess li qiegħed iwassal għal sfidi oħrajn hekk kif min iħaddem qiegħed ifittex aktar ħaddiema. Bil-Prim Ministru serraħ moħħ l-stakeholders li pajjiżna se jkompli jagħmel progress kif għamel fil-passat.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja lil-Lufthansa Technik tal-fiduċja li wriet f’pajjizna f’dawn l-aħħar ħmistax-il sena u tal-investiment kontinwu.