ARA: Lukanda ta' 12-il sular fuq art tal-Agostinjani | One News

Notifiki

ARA: Lukanda ta’ 12-il sular fuq art tal-Agostinjani

Miexi sew ix-xogħol fil-bini ta’ lukanda ta’ tnax il-sular fuq l-art tal-patrijiet Agostinjani biswit l-istabbiliment Bay Street f’Paceville.

L-art li għadha fuq il-kotba tal-Knisja kienet mikrija lil dan l-istabbiliment sabiex jużaha bħala parkeġġ. Madankollu f’Ottubru li għadda tefgħu applikazzjoni għal żvilupp ta’ lukanda.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dan l-iżvilupp, il-provinċjal tal-Agostinjani Dun Lesile Gatt qal li bil-flus li se jiġu ġġenerati, l-ordni tista’ tkompli tinvesti fis-servizzi reliġjużi tagħha sabiex tkun tista’ tmantni d-diversi binjiet li għandha mxerrdin madwar Malta.

B’reazzjoni għall-aħbar li ħarġet fil-beraħ il-Ħadd li għadda fuq il-gazzetta maltatoday, l-Arċisqof Charles Scicluna ċaħad li kien jaf b’dan il-proġett masiċċ u qal li se jordna investigazzjoni mill-Kummisjoni Ambjent fi ħdan il-Kurja.

Madankollu kif jixhdu l-filmati li ONE News ġibed minn San Ġiljan jidher li x-xogħol rranka ġmielu u l-investigazzjoni ftit tista’ tibdel mill-eżitu ta’ dan il-proġett hekk kif s’issa diġa tħaffru madwar ħames sulari taħt l-art. Saħansitra sabiex ikun jista’ jitħaffef aktar ix-xogħol, kuntrattur ewlieni lokali xtara magna apposta li tħammel l-art b’mod veloċi.

Fl-aħħar snin il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja semmet leħinha bosta drabi dwar proġetti proposti ta’ żvilupp fiż-żona.

Dan l-aħħar ħarġet tikkritika l-iżvilup tad-DB li jinsab tefgħa ta’ ġebla ’l bogħol minn dan il-bini fuq l-art tal-Knisja.

Il-Kummissjoni Ambjent saħansitra kkomunikat mal-investituri barranin sabiex jerġgħu jaħsbuha qabel jiġu jinvestu flushom f’pajjiżna.

Intant, il-provinċjal Gatt iġġustifika dan il-proġett billi qal li f’dan il-kumpless ta’ tnax il-sular se jkun hemm spazju miftuħ sabiex il-bini u l-kappella li bħalissa qed jintużaw mill-patrijiet Agostinjani ma jiġux ostakolati.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend