L-erba’ baned tal-Kottonera jdoqqu flimkien fl-400 sena mill-wasla tal-Bambina – One News

Notifiki

L-erba’ baned tal-Kottonera jdoqqu flimkien fl-400 sena mill-wasla tal-Bambina

Permezz ta’ fondi miksuba mill-Komunitajiet Kreattivi, fond amministrat mill-Kunsill Malti għall-Arti, l-Amministrazzjoni tal-Bażilika tal-Belt Senglea flimkien mal-Għaqda Każini tal-Banda se jorganizzaw il-Festival tal-Baned, avveniment mill-baned tal-Kottonera għall-okkażjoni tal-400 sena mill-wasla tal-istatwa Marija Bambina fil-Belt Senglea.

“Avvenimenti ta’ din is-sura jkomplu jitfgħu dawl fuq l-importanza tal-kultura tagħna, kif ukoll ikomplu jsaħħu r-rwol importanti tal-kultura fil-qalba tal-komunità. Dan il-festival apparti l-għan ewlieni ta’ kommemorazzjoni li jġib miegħu, qiegħed ukoll jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-komunità fi ħdan il-Kottonera, kif ukoll ikompli jgħin u jibni fuq l-istrateġija tagħna sabiex dan is-settur ikun aċċessibbli għal kulħadd,” enfasizza l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt it-tnedija ta’ dan il-festival.

It-team tal-Festi Ċentinarji flimkien mal-membri tal-Għaqda Każini tal-Banda ħadmu flimkien sabiex dan il-festival jitwettaq. Saru diversi laqgħat mal-Każini tal-Banda tal-Kottonera u b’hekk tħejja programm apposta għal din l-okkażjoni.

L-għan ta’ dan il-festival huwa li l-erba’ baned tat-Tlett Ibliet jingħaqdu flimkien sabiex jaħdmu flimkien għal ġid tal-komunitajiet rispettivi tagħhom.

Permezz ta’ dan il-festival, kull banda se tagħmel marċ mat-toroq tal-Belt Senglea. Il-baned ser ikunu qed idoqqu minn rotot differenti fejn wara se jingħaqdu flimkien sabiex isellmu lill-Istatwa Inkurunata ta’ Marija Bambina. Fl-aħħar il-baned jingħaqdu flimkien bħala mass band taħt iz-zuntier tal-Bażilika. Il-mass band se tkun immexxija mis-Surmast Chev. Vincent Bonnici K.T. L. li huwa s-surmast Direttur tas-Soċjetà Filarmonika La Vincitrice, A.D. 1871.

Dan il-Festival se jittella’ fid-9 ta’ Ġunju fis-19:00, u l-programm tal-mass band taħt iz-zuntier tal-Bażilika se jibda għal ħabta tad-21:00.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend