“Xtaqt nasal fil-finali mhux biss għalija iżda wkoll għall-pajjiżi”, kliem Emma Muscat fl-ewwel reazzjoni tagħha wara li l-Ħadd li għadda ġiet eliminata mill-programm Amici.
Imbikkma, Emma qalet li kienet emozzjonata u ddispjaċuta ħafna li m’għamlithiex għall-finali. Minkejja dan qalet li tinsab sodisfatta ħafna b’dak li għamlet tul il-vjaġġ tagħha fil-programm Amici.
“Ridt nasal fil-finali mhux biss għalija iżda wkoll għall-pajjiżi. Kburija ħafna li jien Maltija, minn gżira żgħira. Kien unur li nirrappreżenta lil pajjiżi u naf li l-Maltin huma kburin bija anke jekk ħriġt fis-seminali”, qalet Emma li rebħet mhux biss il-qlub tal-Maltin iżda wkoll ta’ miljuni ta’ Taljani.
Hija qalet li kienu bosta l-Maltin li tawha l-appoġġ tagħhom matul dan il-vjaġġ l-aktar il-familja, il-ħbieb u l-fans tagħha.
Qalet li mindu daħlet fil-programm ħarġet aspetti mill-karattru tagħha li ma kinitx taf bihom waqt li kompliet tikber mużikalment anke bl-għajnuna li tawha l-għalliema tul il-programm.
Hija kellha wkoll kliem sabiħ għall-pubbliku fl-istudio ta’ Amici u qalet li se tħoss in-nuqqas tal-appoġġ tagħhom li sostniha ta’ kull nhar ta’ Sibt fuq palk meraviljuż. Madankollu qalet li tinsab kburija li waslet s’hawn u li se tkompli bil-karriera mużikali tagħha. Qalet li l-mużika hija ħajjitha u minkejja l-eliminazzjoni tagħha mill-programm, qed tħares ’il quddiem li tkompli bil-mużika tagħha u taqsamha ma’ ħaddieħor. Ma naqsitx ukoll issemmi r-relazzjoni tagħha ma’ Biondo li rnexxielu jisirqilha qalbha.
Intant wara tour li mistennija tibda fl-Italja, Emma qalet li se tiġi lura Malta għax qiegħda tħoss in-nuqqas tal-kelb tagħha, tal-ikel ta’ ommha u l-baħar ta’ pajjiżna. “Irrid nagħmel il-mużika hawn iżda anke Malta għax Malta hija f’qalbi.