Żewġ kunċerti f'Għawdex mżewqa b'mużika rock u pop | One News

Notifiki

Żewġ kunċerti f’Għawdex mżewqa b’mużika rock u pop

Bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej Għawdex ser ikun imżewwaq b’mużika pop u rock b’żewġ kunċerti li ser jittellgħu miż-żewġ każini tal-banda La Stella u s-Soċjetà Filarmonika Leone.

L-attrazzjoni tal-Ġimgħa se tkun edizzjoni oħra tal-kunċert Rock Astra bis-sehem ta’ aktar minn 60 bandist mill-banda Għawdxija La Stella. Matulha se jindaqqu siliet mir-reportorju tal-Pink Floyd, Beatles, Andrew Lloyd Webber, Freddie Mercury, John Lenon u John Bon Jovi u li se jiġu interpretati minn kantanti bħal Chris Grech, Ludwig Galea, Mikaela u Gabriella Azzopardi.

Is-Surmast tal-Banda Sigmond Mifsud qal li l-kunċert huwa bla ħlas u se jolqot il-gosti ta’ bosta.

L-għada s-Sibt, is-Soċjetà Filarmonika Leone se ttella’ l-kunċert Leone Goes Pop fi Pjazza Indipendenza b’attivita’ li tesponi t-talent ta’ 80 bandist bil-parteċipazzjoni ta’ kor tat-tfal Aurora fejn flimkien ser joffru programm ta’ spettaklu sħiħ ta’ divertiment.

Is-Segretarju tas-Soċjeta’ Filarmonika Leone Thomas Bajada qal li l-mużika li ser tindaqq se tpaxxi l-widna ta’ kull min se jattendi. Ser jieħdu sehem il-kantanti Claudia Faniello, Matthew James, Francesca Sciberras, Fabian Galea u Michela Pace. Dan kollu bla ħlas.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet attivitajiet ta’ din ix-xorta jgħinu sabiex kull min ser jaqsam il-fliegu waqt tmiem din il-ġimgħa jgħix esperjenza ħolistika Għawdxija.

Iċ-Chairman ta’ Valletta 2018 Jason Micallef spjega li attivitajiet ta’ din ix-xorta jixhdu kemm tassew Valletta 2018 infirxet madwar il-lokalitajiet tal-gżejjer Maltin u li ma waqfietx fil-Belt biss.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend