Sit wieħed għas-servizzi governattivi kollha – One News

Notifiki

Sit wieħed għas-servizzi governattivi kollha

Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, permezz tal-ħames ċentri reġjonali tiegħu, u l-Freephone 153.

F’dan il-blogg nitratta s-servizzi governattivi li huma disponibbli għaċ-ċittadin. Ta’ spiss nispjega kemm sar faċli li tagħmel użu minn dawn is-servizzi, imma biex verament tkun taf kemm tista’ tinqeda malajr trid tiġi bżonn is-servizz.

Snin ilu, meta persuna kienet tiġi bżonn servizz governattiv, kienet itterraq lejn il-Belt Valletta u żżur wieħed mid-dipartimenti tal-gvern biex tinqeda. Forsi ma konniex inħossuna komdi ninqdew permezz tat-teknoloġija mill-kumdità ta’ darna. Jew inkella konna nippreferu naraw ma’ min qed nitkellmu u min se jkun qed jipproċessa l-applikazzjoni tagħna. Biex inkunu qed ngħidu kollox lanqas ma kien jeżisti sit li fih jiġbor is-servizzi tal-gvern kollha. Anżi individwu kien jispiċċa jdur u jgħaqad fuq l-internet b’formoli li trid tipprintajhom u tmur bihom id-dipartiment. Jiġifieri xorta waħda kien ikollok tidħol il-Belt biex twassal l-applikazzjoni tiegħek u tinqeda.

Iżda llum ix-xenarju nbidel. M’għadniex nitkellmu fuq ħela ta’ ħin u skariġġ minn dipartiment għal ieħor. M’għadniex nidħlu bilfors il-Belt biex ninqdew. Illum għandna ħafna għażliet; sempliċiment jiddependi liema għażla jippreferi ċ-ċittadin.

L-iktar għażla faċli, sempliċi u li teħodlok l-inqas ħin possibbli hija l-użu tas-sit elettroniku www.servizz.gov.mt Fih issib is-servizzi governattivi kollha skont il-qasam li jaqgħu taħtu. Ma ssibhomx skont kif tqassmu l-portafolli fil-ministeri rispettivi iżda ssibhom skont is-settur tagħhom. F’dan is-sit hemm tnax-il settur li taħthom jaqgħu s-servizzi kollha tal-gvern. Tista’ jew taċċessahom wieħed wieħed inkella tikteb il-kelma li trid iktar informazzjoni dwarha u jitilgħulek l-applikazzjonijiet rispettivi tagħha.

Il-maġġoranza tal-applikazzjonijiet li jikkumplimentaw is-servizzi goverattivi huma applikazzjonijiet li tista’ timliehom onlajn. Oħrajn jeħtieġ li jkollok e-ID li issa saret iktar sempliċi għaliex il-log in tiegħek, b’mod awtomatiku huwa n-numru tal-karta tal-identità. Kulma trid tagħmel huwa li tagħżel password u hekk tkun attivajt l-account tiegħek. Wieħed jista’ jċempel 153 għal assistenza jew inkella l-Uffiċini ta’ Identity Malta fuq 2590 4300.

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Send this to a friend