Miriam Dalli: Il-politika trid timbotta u tappoġja t-transizzjoni għal enerġija nadifa | One News

Notifiki

Miriam Dalli: Il-politika trid timbotta u tappoġja t-transizzjoni għal enerġija nadifa

Min ifassal il-politika ma jistax jistenna li l-bidla issir imbagħad jirregola iżda jrid jaħdem favur transizzjoni għal enerġija nadifa, qalet il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli waqt konferenza dwar enerġija sostennibli organizzata mill-Kummissjoni Ewropea.

“L-Istati Membri jridu jsarrfu l-impenji li qablu fuqhom fuq il-karta, f’azzjoni konkreta. Pereżempju, fil-Ftehim ta’ Pariġi insibu miri ambizzjużi iżda meta niġu għall-leġiżlazzjonijiet, l-Istati Membri jibqgħu jaħarbu minnhom,” qalet Dr Dalli filwaqt li ħeġġet lill-leġiżlaturi biex jagħtu l-appoġġ lill-industrija biex tmur oltre.

Miriam Dalli, li x-xogħol parlamentari tagħha fuq l-ambjent u t-transizzjoni għall-enerġija nadifa ġie rikonoxxut diversi drabi, intagħżlet bħala waħda mill-ambaxxaturi għall-gimgħa ddedikata għal Enerġija Sostennibli fl-UE mill-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija u l-Azzjoni dwar il-klima, Miguel Canete.

Din it-tlettax-il edizzjoni tal-konferenza, mifruxa fuq ġimgħa, ġibdet l-attenzjoni ta’ 3,000 parteċipant minn awtoritajiet pubbliċi, aġenziji tal-enerġija, assoċjazzjonijiet tal-industrija, negozji, organizzazjonijiet mis-soċjeta ċivili u l-midja.

Dalli saħqet li mingħajr l-innovazzjoni, l-Unjoni Ewropea titlef diversi opportunitajiet kbar. “Xi drabi nitkellmu dwar l-ekonomija, l-ambjent, l-industrija u x-xogħol bħallikieku kienu separati jew jikkontradixxu wieħed lill-ieħor. Fir-realtà, huma kumplimentari u nistgħu niksbu bidla kbira jekk nirrealizzaw il-potenzjali li jeżisti.”

Fil-bidu tad-dibattitu, intwerew diversi ritratti differenti tal-ambaxxaturi, bir-ritratt ta’ Dalli juri l-ħidma li qed tagħmel fuq l-emissjonijiet tal-karozzi. Bħalissa għaddejin negozjati fuq il-miri tal-emissjonijiet għal vetturi żgħar u karozzi li jġorru passiġġieri.

Dwar il-liġi li qed taħdem fuqha, Dalli spjegat kif il-politika addattata tista’ timbotta bidla bżonnjuża biex issir il-qalba għall-vetturi b’emissjonijiet baxxi  jew mingħajr ebda emmissjonijiet.

“It-traffiku u t-tniġġis huma waħda mill-problemi kbar f’diversi pajjiżi u bliet Ewropej. L-użu ta’ trasport aktar nadif dejjem kien suġġet għal qalbi. Din il-leġiżlazzjoni qed ittini ċ-ċans li naħdem aktar dwar dan,” wieġbet Dalli meta mistoqsija x’kien li ispiraha biex taħdem dwar dan.

“Irridu nisfruttaw l-isfida li ġġib magħha t-transizzjoni għal enerġija aktar nadifa u naħtfu l-opportunità biex insibu soluzzjonijiet għat-traffiku.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend