Ktieb ġdid u verżjoni awdjo minn Heritage Malta | One News

Notifiki

Ktieb ġdid u verżjoni awdjo minn Heritage Malta

 

Il-Misteru ta’ taħt is-Siġra tal-Ħarrub huwa ktieb ġdid imniedi minn Heritage Malta. Dan il-ktieb għandu jissodisfa lill-qarrejja li jħobbu l-avventura u l-għarfien arkeoloġiku. Tnedija oħra kienet il-verżjoni awdjo tal-ktieb ippubblikat riċentament, Valletta – my city, my story.

It-tnedija saret dalgħodu fil-Katakombi ta’ San Pawl miċ-Chief Operations Officer ta’ Heritage Malta, is-Sur Kenneth Gambin, akkumpanjat mis-Sur Godwin Vella, Maniġer tat-Taqsima tal-Pubblikazzjonijiet u l-Edukazzjoni tal-Aġenzija. Is-Sur David Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, u s-Sinjura Margaret Zammit, Deputat Librara ta’ Malta Libraries, u s-Sur Leone Sciberras, mis-sezzjoni tal-kotba verżjoni awdjo ta’ Malta Libraries, kienu preżenti wkoll.

Miktub mis-Sur David Azzopardi, Il-Misteru ta’ taħt is-Siġra tal-Ħarrub, jitratta avventura ta’ grupp ta’ żgħażagħ wara li jiskopru kumpless ta’ katakombi. Waqt li jkunu qed jesploraw dawn il-katakombi huma jsibu oġġetti antiki u xogħlijiet ta’ arti misruqa u anke jisfrattaw serqa. Ir-rakkont huwa wieħed mexxej u jħalli lill-qarrej imwaħħal mal-paġni. Il-ktieb jinkludi wkoll illustrazzjonijiet, magħmula minn Dean Fenech, li jagħtu spjega ċara tar-rakkont.

Ġiet imnedija wkoll verżjoni awdjo tal-ktieb li kien ippubblikat dan l-aħħar, Valletta – my city, my story. In-narrattiva saret mill-attur popolari Alan Parnis, u l-għan primarju ta’ din il-verżjoni huwa li tagħmel dan il-ktieb iktar aċċessibbli għal persuni neqsin mid-dawl, kif ukoll sabiex tgħin fit-taghlim tal-lingwa Ingliża fl-iskejjel. Valletta – my city, my story jirrakkonta l-ewwel snin tal-Belt Valletta, u l-abitanti tagħha, li jerġgħu jingħataw il-ħajja hekk kif il-qarrej ‘idur’ madwar it-toroq, il-bini, u l-imsieraħ li jsebbħu lil din il-belt; stejjer li jagħmlu lilna l-Maltin kburin bil-wirt storiku u kulturali tagħna. Il-protagonist ewlieni m’huwa ħadd ħlief il-Gran Mastru, Jean Parisot de Valette.

Dawn iż-żewġ xogħlijiet għandhom is-siġill tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Is-Sur Zammit ippreżenta kopja tal-verżjoni awdjo tal-ktieb Valletta – my city, my story lit-taqsima tal-kotba awdjo ta’ Malta Libraries.

Numru ta’ studenti mill-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl akkumpanjati minn għalliema attendew għall-preżentazzjoni fil-Katakombi ta’ San Pawl.

Il-pubblikazzjonijiet ta’ Heritage Malta jistgħu jinxtraw mill-ħwienet fil-mużewijiet u siti tal-Aġenzija kif ukoll minn ħwienet ewlenin tal-kotba f’Malta u f’Għawdex. Għal iktar tagħrif wieħed jista’ jibgħat fuq [email protected]

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend