Inqas restrizzjonijiet biex il-bdiewa żgħażagħ Maltin ikollhom aċċess għall-fondi – One News

Notifiki

Inqas restrizzjonijiet biex il-bdiewa żgħażagħ Maltin ikollhom aċċess għall-fondi

Waqt laqgħa tal-ministri tal-agrikoltura mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea f’Sofia, il-Bulgarija, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri saħaq li l-bdiewa żgħażagħ għandhom jingħataw prijorità u appoġġ meħtieġa waqt it-tfassil tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) fix-xhur li ġejjin.

Clint Camilleri kkritika l-kundizzjonijiet restritti għall-aċċess ta’ fondi minn bdiewa żgħażagħ u elabora li dawn wasslu biex f’Malta ċerti benefiċjarji ġew esklużi u b’hekk illimitajna l-potenzjal ta’ dawn l-iskemi.

Is-Segretarju Parlamentari qal li jemmen li dan jista’ jsir permezz ta’ approċċ integrat li jikkunsidra l-aspetti neċessarji kollha fl-operat agrikolu, l-aktar l-ispejjeż tal-produzzjoni. Dan ifisser li għandna “noffru għajnuna b’mod ħolistiku lil dan il-grupp vulnerabbli billi ninvestu iktar fih permezz ta’ inċentivi akbar”, spjega Clint Camilleri filwaqt li żied li b’inċentivi akbar mhux qed ifisser biss l-għajnuna finanzjarja iżda anke “fejn jidħol aċċess għall-art, aċċess tal-għarfien u tat-teknoloġija u anke assistenza iktar b’saħħitha biex jidħol fis-settur”.

Clint Camilleri esiġa dwar l-importanza li d-dettall tal-Politika Agrikola Komuni jibqa’ mfassal mill-istati membri u għandha tiġi assistita minn azzjoni koordinata fuq livell Ewropew, biex id-deċiżjonijiet jirriflettu l-bżonnijiet nazzjonali u reġjonali. L-istati membri għandhom jingħataw biżżejjed flessibilità biex ifasslu skemi skont il-bżonnijiet tas-settur u l-karatteristiċi – l-aktar dawk prospettivi – li qed jiffaċċjaw il-bdiewa żgħażagħ.

Is-Segretarju Parlamentari Camilleri żied li jemmen li fil-PAK futura hemm bżonn ta’ aktar investiment b’mod ħolistiku, titjib fl-aċċess għas-self u fl-aċċess għall-art kif ukoll appoġġ fit-taħriġ u pariri għan-negozju. Dan għandu jgħin biex is-settur jiġi modernizzat u promoss fit-tibdil tal-ġenerazzjonijiet.

Il-laqgħa informali tal-ministri tal-agrikoltura hi parti mill-programm tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Bulgarija u saret fil-Palazz Nazzjonali tal-Kultura. It-taħdidiet iffukaw fuq il-Politika Agrikola Komuni fil-perjodu ta’ programm ġdid wara l-2020 u kif jista’ jkun hemm attrazzjoni ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ ħaddiema fis-settur agrikolu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend