BIL-FILMATI: Ħafna enerġija għall-pageant of the seas – One News

Notifiki

BIL-FILMATI: Ħafna enerġija għall-pageant of the seas

Tbissim u ħafna enerġija.

Dawn elementi ewlenin fit-tħejjijiet għall-Valletta Pageant of the Seas, spettaklu li se jittella’ l-Ħamis f’wieħed mill-akbar avvenimenti fil-Port il-Kbir.

Żorna l-preparamenti għall-ispettaklu imtella’ mill-kumpanija Spanjola La Fura Dels Baus, li f’Jannar li għadda ssorprendew lil dawk kollha li żaru Pjazza Tritoni għall-ftuħ ta’ Valletta 2018.

Fil-Valletta Pageant of the Seas, bla dubju, it-tema tal-baħar hija waħda ċentrali, u magħha żdiedu temi oħra, bħall-ħarsien tal-ambjent, imma anke l-kultura u t-tradizzjoni Maltija.

Il-konċentrazzjoni u t-tbissima fuq wiċċ aktar minn mitt parteċipant, tixhed l-enerġija li dan l-ispettaklu qed iwasslilhom.

Enerġija, li fil-provi li qed jattendu ta’ kuljum, qed jaħdmu biex jgħadduha lil eluf li mistennija jsegwu dak li ġie deskritt bħala l-ikbar spettaklu ta’ kull żmien fil-Port il-Kbir.

U għalkemm il-filmati jagħtu togħma ta’ dak li n-nies se tara nhar il-Ħamis, hemm bosta sorpriżi, fosthom il-kostumi, u struttura kbira li tissimbolizza l-mara l-ħoxna, li se tintuża fl-ispettaklu.

Fil-Pageant of the Seas, dan l-ispettaklu se jingħaqad ma’ programm mimli daqs bajda fil-Port il-Kbir, fosthom tellieqa tal-għawm, reenactement, regatta, tellieqa biċ-ċattri, għawma minn Forti Sant’Anġlu sal-Pixkerija l-Antika, show tal-powerboats, koreografija bid-dgħajjes, kant minn kor, projezzjonijiet animati fuq l-ilma, u spettaklu pirotekniku li se jinkludi ballun tan-nar rekord ta’ tlieta u ħamsin pulzier.

Dan kollu jista’ jkun segwit minn madwar il-Port il-Kbir, għalkemm huwa ssuġġerit li biex tgawdih bl-aqwa mod, in-nies issegwih minn naħa tal-Belt Valletta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend