Għawdex ifakkar il-Jum Dinji favur l-Ambjent | One News

Notifiki

Għawdex ifakkar il-Jum Dinji favur l-Ambjent

Għawdex qed ifakkar il-Jum Dinji favur l-Ambjent li din is-sena għandu t-tema Beat Plastic Pollution.

Biex jitfakkar dan il-jum l-Ministeru għal Għawdex organizza attività fil-ġonna pubbliċi ta’ Villa Rundle li għaliha attendew l-istudenti tal-iskejjel primarji Għawdxin. L-istudenti ngħataw żerriegħa ta’ siġar endemiċi li nżergħet f’kontenitur riċiklat u t-tfal ġew imħeġġa jieħdu ħsieb is-siġra skont it-tagħrif mogħti mill-esperti. Il-ħsieb hu li s-siġar jitħawlu fil-masġar magħruf bħala Ulysses Grove li se jiġi riabilitat biex jitgawda mill-familji.

Il-Ministru Justyne Caruana qalet li dawn l-attivitajiet iżidu l-għarfien dwar kemm hu importanti li nibżgħu għall-ambjent u qalet li kulħadd għandu jagħti sehmu u jieħu azzjoni biex innaqqsu kemm jista’ jkun l-użu ta’ prodotti magħmulin mill-plastik. Il-Ministru ħeġġet lit-tfal biex jużaw prodotti li jiġu riċiklati, li jintużaw aktar minn darba u li ma jħallux impatt fuq l-ambjent. Fakkret li bħalissa f’pajjiżna għaddejja konsultazzjoni pubblika dwar skema li l-gvern irid jintroduċi u li hi intiża biex tnaqqas l-ammont ta’ plastik mill-ambjent – liema materjal hu sors ewlieni ta’ tniġġis.

Il-Ministru rreferiet għall-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex favur l-ambjent u semmiet numru ta’ miżuri u inizjattivi li diġà ttieħdu mill-Ministeru favur il-ħarsien ambjentali tal-gżira fosthom: tħawwil ta’ aktar siġar, bini ta’ ħitan tas-sejjieħ, skema ta’ għajnuna lill-bdiewa biex jirranġaw jew jibnu bjar u ġibji ġodda għall-ilma u skemi ta’ għajnuna lill-kunsilli lokali għal proġetti b’riżq il-wirt naturali.

Il-Ministru qalet li d-diskussjonijiet dwar il-viżjoni għal Għawdex sas-sena 2030 għaddejjin b’ritmu mgħaġġel u li l-viżjoni dalwaqt tiġi varata. Semmiet li l-kunċett EkoGħawdex se jingħata d-dimensjoni li tixraqlu b’enfasi fuq il-ħarsien u s-sostenibbiltà tal-ambjent naturali li jiddistingwi lill-gżira Għawdxija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend