Gawdi l-Pageant of the Seas minn Sant’Anġlu – One News

Notifiki

Gawdi l-Pageant of the Seas minn Sant’Anġlu

Nhar is-7 ta’ Ġunju, festa pubblika, Forti Sant’Anġlu se jiftaħ għall-pubbliku bi prezz imraħħas ta’ €2 filwaqt li l-ħinijiet tal-ftuħ se jkunu estiżi sakemm jispiċċa l-ispettaklu tal-Pageant of the Seas.
Matul il-ġurnata l-Historical Re-enactment Group of Malta flimkien ma’ gruppi ta’ re-enactments barranin se jkunu qed itellgħu diversi rappreżentazzjonijiet għall-perjodu tal-ħakma Franċiża bejn l-1798 u l-1800. Forti Sant’Anġlu hija waħda mid-diversi siti li qed jospitaw serje ta’ inizjattivi mifruxa madwar Malta u Għawdex li jinkludu mas-600 persuna, 400 minnhom ġejjin minn madwar l-Ewropa.

Forti Sant’Anġlu tiddomina l-ponta tal-Birgu kif ukoll il-Port il-Kbir u toffri l-aħjar veduta għall-pubbliku biex isegwi l-ispettaklu fil-Port il-Kbir li se jsir bejn l-4.30pm u l-11.30pm. Il-Pageant of the Seas, organizzata minn Valletta 2018, se tinkludi dgħajjes tar-regatta, power boats, jottijiet u braken karnivaleski. F’dan l-ispettaklu se ssir ukoll L-Għawma Toni Bajada u t-tellieqa b’differenza, Tellieqa Telliqun. Wirja spettakolari tal-logħob tan-nar minn fuq il-baħar kif ukoll tal-ajru minn Forti Ricasoli ttemm dan l-ispettaklu.

Għal din l-okkażjoni Forti Sant’Anġlu se jibqa’ miftuħ sakemm tintemm il-Pageant of the Seas, jiġifieri bejn id-9.00am u l-11.300pm, bl-aħħar dħul isir fil-11.00pm. Tfal u membri ta’ Heritage Malta jidħlu b’xejn.

Iktar tagħrif dwar Heritage Malta żur il-website tal-aġenzija, www.heritagemalta.org

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend