It-tliet akkużati mixlija li poġġew bomba mal-karozza tan-negozjant Mario Scicluna fil-bidu ta’ Jannar li għadda, it-Tnejn waranofsihar reġgħu lura l-qorti biex kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tagħhom.
F’awla mimlija daqs bajda, Pawlu Farruga, il-Kwattru, Jonathan Farrugia magħruf bħala Ġanni ta’ Nina u Lorenzo Callus il-Ħeswes semgħu lill-mekkanik ta’ Scicluna jgħid li dakinhar tal-4 ta’ Jannar, wieħed mill-lavranti ta’ Scicluna staqsieh jekk il-vettura li taħtha tpoġġiet il-bomba kinitx taħdem b’żewġt batteriji/ Qal li peress li ħadem bosta drabi fuqha, aċċertah li l-karozza kellha batterija waħda.
Qal li mar fuq il-post fejn innota batterija li kienet iżgħar minn-normal qrib il-bumper ta’ quddiem u meta ħares taħtha ra dak li ddeskriva bħala pipe tal-ħadid imwaħħal bil-cable ties mal-gearbox li madwaru u fit-triq taħtu kien hemm materjal umduż.
Fil-qorti stqarr li dak li ra u miss b’idejh, induna li kienet xi ħaġa suspettuża li qatt ma ra mal-qiegħ ta’ karozzi oħra u ħass li kellu jieħu ritratt ta’ dak li ra u jibagħtu lil Scicluna.
Xehed ukoll il-lavrant li qal li kienet Elaine Galdes, is-sieħba ta’ Scicluna li qaltlu li semgħet ħoss ġej minn taħt il-vettura li taħta nstabet il-bomba.
Keith Cutajar – espert tal-Qorti qal li analizza wieħed u erbgħin telefon ċellulari fosthom dak li attiva l-bomba.
Frank Cassar sieħeb fin-negozju tal-propjetà ma’ Mario Scicluna xehed li sar jaf lill-kwattru wara l-4 ta’ Jannar għax ħa f’idejh xi negozju li kien għaddej bejnu bejn Scicluna. Ikonferma dak li kien żvela ONE News jiġifieri li l-Kwattru u Scicluna kellhom xi jgħidu dwar dejn li jlaħħaq il-120 elf ewro.
Fit-tmiem is-seduta, l-uffiċjal prosekutur Keith Arnaud qal li għad fadak bosta xhieda li għad iridu jixhdu, bid-difiża tgħid li se titlob għall-ħelsien mill-arrest tat-tlett akkużati. Is-smiegħ ikompli fil-11 ta’ Ġunju li ġej.