Waqaf il-vjaġġ tal-kantanta Maltija Emma Muscat fil-programm Amici fuq Canale 5 wara li l-Ħadd filgħaxija ma rnexxielhiex tagħmilha għall-finali tal-11 ta’ Ġunju li ġej.
Emma kienet qiegħda tissielet għall-post fil-finali flimkien ma’ erba’ kontestanti oħrajn. Fil-fatt hija baqgħet tissielet sal-aħħar minuta biex finalment kien Einar li libes l-aħħar flok tal-finalisti wara li għeleb l-isfida ta’ Emma. L-għażla saret permezz tat-televoting.
Fis-serata tal-lejla Emma tat bosta wirjiet fosthom dwett mal-kantant Alvaro Soler permezz ta’ żewġ siltiet popolari li niżlu tajjeb ħafna mal-udjenza fl-istudjo ta’ Canale 5 fejn qed jixxandar il-programm; dan hekk kif dawk preżenti bdew ikantaw u jiżfnu mad-daqq tal-mużika b’ritmu Latina interpretata minn dawn iż-żewġ żgħażagħ.
Minkejja li ma għamlithiex għall-finali, Emma Muscat ġiet offruta kuntratt mingħand id-dar tad-diski Warner Music fl-Italja, lhiema kumpanija hija waħda mifruxa f’aktar minn 50 pajjiż differenti minn madwar id-dinja kif ukoll li tagħti appoġġ kemm lill-artisti stabbiliti fosthom Laura Pausini, David Guetta, Coldplay, Green Day u Ed Sheeran fost l-oħrajn, kif ukoll dawk li għadhom jibdew l-karriera mużikali tagħhom u li jidhru li huma promettenti f’din ix-xena.