L-Air Malta se tibda ttir lejn Hamburg u Leipzig | One News

Notifiki

L-Air Malta se tibda ttir lejn Hamburg u Leipzig

Mill-aħħar t’Ottubru li ġej, l-Air Malta – b’kollaborazzjoni ma’ FTI, se tibda ttir lejn il-bliet Ġermaniżi Hamburg u Leipzig. Dan permezz ta’ titjiriet skedati kull nhar ta’ Erbgħa.

Id-diskussjonijiet b’rabta ma’ dawn iż-żewġ destinazzjonijiet ġodda bdew f’Novembru li għadda waqt il-World Travel Market fil-kapitali Ingliża Londra, biex issa l-Air Malta tinsab f’sitwazzjoni li tista’ tibda topera lejn dawn iż-żewġt ibliet mix-Xitwa li ġejja.

Flimkien ma’ Munich, Dusseldorf u Frankfurt, b’dawn iż-żewġ destinazzjonijiet ġodda, se jkun ifisser li l-Air Malta se tkun qed topera titjiriet lejn ħamest ibliet Ġermaniżi.

It-titjiriet lejn Hamburg, kull nhar ta’ Erbgħa, se joperaw hekk:

KM368 titlaq minn Malta fis-07:00 u tasal Hamburg fl-10:05

KM 369 titlaq minn Hamburg fil-10:55 u tasal Malta fis-13:55

It-titjiriet lejn Leipzig, kull nhar ta’ Erbgħa, se joperaw hekk:

KM310 titlaq minn Malta fis-17:55 u tasal Leipzig fid-20:45

KM311 titlaq minn Leipzig fid-21:25 u tasal Malta fis-00:55

Hamburg hija t-tieni l-akbar belt fil-Ġermanja filwaqt li Leipzig hija belt oħra Ġermaniża mimlija ħajja, attrazzjonijiet u binjiet storiċi.

F’inqas minn sena, l-Air Malta ħabbret sbatax-il servizz dirett u tlieta li ma jitilqux minn Malta. Servizzi li lkoll flimkien mistennija jattiraw opportunitajiet ġodda filwaqt li jiffaċilitaw l-ivjaġġar kemm dak għal negozju u anki għal vaganzi. Barraminnhekk kull ma jmur qed tiżdied il-konnettività lejn il-gżejjer Maltin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend