Għal ħafna, is-suġġett tal-Matematika huwa wġigħ ta’ ras. Iżda għal numru sostanzjali ta’ studenti Maltin u Għawdxin, is-somom jaħdmuhom f’kemm trodd salib.
F’kompetizzjoni internazzjonali li saret dan l-aħħar, bl-isem ta’ Super T Mental Math, l-istudenti Maltin u Għawdxin kisbu riżultati impressjonanti minn fost eluf kbar ta’ parteċipanti.
Uħud minnhom ġew mal-ewwel għaxra fil-kategorija tagħhom, u oħrajn saħansitra kisbu l-ewwel post.
Iltqajna mal-istudenti rebbieħa fl-Iskola Sekondarja Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop, li spjegaw il-kompetizzjoni u kif tgħinhom f’ħajjithom.
Il-kompetizzjoni hija maqsuma fuq ħames livelli, u l-iskop huwa li l-parteċipant jaqta’ l-ikbar ammont ta’ somom fl-inqas ħin possibbli.
Alexander Ellul, il-Kap tad-Dipartiment tal-Matematika, fisser kif l-iskop huwa li l-istudenti jkunu mħajra jilagħbu u jaħdmu somom mingħajr ma jużaw calculators.
Għawdex ukoll kien rappreżentat permezz tal-Iskola Primarja Kulleġġ Għawdex tal-Għarb.
Żewġ studenti Għawdxin ġew l-ewwel fil-kategoriji tagħhom, kif spjegat Antoinette Grech, li hija l-għalliema li toffri appoġġ fil-Matematika.
Riżultati ferm impressjonanti, bl-istudenti jesprimu sodisfazzjon u saħansitra diġa qed jaħsbu fis-sena d-dieħla.
U għal min jitħajjar jara l-kapaċitajiet tiegħu, jista jżur is-sit www.supertmatik.net u jara sa fejn iwassal moħħu!