Mara nżammet arrestata wara li kienet akkużata li serqet minn karozzi jew serqet il-karozzi stess.
L-Ispetturi tal-Pulizija Elton Taliana u Jonathan Ransley akkużaw lil Ruth Borda ta’ ħamsa u tletin sena mix-Xgħajra b’erba akkużi ta’ serq aggravat.
Hija ġiet arrestata t-Tlieta filgħaxija wara li l-pulizija tan-Naxxar rawha tipprova tiftaħ il-bibien tal-karozzi. Hija nstabet fil-pussess ta’ oġġetti misruqa minn vetturi oħra, fosthom portmoni u tagħmir tal-isports. Investigazzjonijiet susegwenti wasslu lill-pulizija biex jakkużaw lill-mara wkoll li kellha żewġ karozzi misruqa: Toyota minn Raħal Ġdid misruqa f’Jannar u Audi minn Tas-Sliema misruqa f’Mejju. Dan filwaqt li kienet akkużata ukoll li tat dettalji foloz lill-pulizija u kissret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħatat iktar kmieni dax-xahar.
Id-difiża f’isem Borda wieġbet mhux ħatja, filwaqt li ma ntablitx il-ħelsien mill-arrest.