B’għoli ta’ madwar żewġ metri u ħamsa u erbgħin ċentimetru, għal numru ta’ ġimgħat, il-Monument tal-Eks Prim Ministru Dom Mintoff iddomina l-workshop tal-Funderija Domus Dei f’Pomezia, fl-Italja.
“Din il-funderija, b’iktar minn ħamsin sena esperjenza, mhijiex l-ewwel darba li ħadmet xogħol għal pajjiżna. Funderija li llum il-ġurnata tagħmel xogħol għal klijenti madwar id-dinja.”
F’pajjiżna, fost xogħlijiet oħra, f’din il-funderija nħadem il-monument tal-Eks President Guido de Marco li jinsab quddiem il-qrati ta’ Malta.
Illum il-ġurnata jwettqu xogħol sagru u ta’ xorta oħra minn madwar id-dinja, kemm xogħol fuq stil antik, u anke modern.
Noel Galea Bason – l-artist Malti li ħadem dan il-monument – spjega li sentejn ilu din il-funderija ġiet inkorporata ma’ kumpanija oħra li taħdem fil-bronż, ram, stainless steel, stained glass, u iżjed.
B’sidien ġodda b’esperjenza u b’ħafna entużjażmu, tenna l-artist Malti, ix-xogħol fuq il-monument ta’ Mintoff mexa ħarir.
“Hawnhekk sibt kollaborazzjoni kompluta, u nirringrazzja tal-kollaborazzjoni ta’ kulhadd. Hawnhekk hdimna qisna familja zghira, kulhadd jghin lil xulxin, esperjenza sabiha.”
Roberta Cinque, waħda mis-sidien tal-grupp ta’ kumpaniji spjegat kif il-kumpanija taħdem xogħol mad-dinja kollha, fl-Italja stess, imma anke fi Franza, u saħansitra saċ-Ċilì.
U filwaqt li tenniet li rat bosta xogħlijiet ta’ kwalità għolja, dehret kburija ferm bil-monument tal-Perit Mintoff.
“First of all for us it was a pleasure for us to do this challenge, because he was a big man for Malta, that I am proud to be here talking with you about this statue. And the artist that mold this statue, they were really genials, because he seems true, he doesn’t seem a bronze statue.”
Żiedet tgħid li żaret pajjiżna, u tagħraf it-talent artistiku li dawn il-gżejjer iħaddnu fihom.
“We are so happy and very satisfied about the product. And we hope to go ahead and work with your beautiful island. Malta is so big culture. I’ve been in Malta and I love it. Because you can taste the true culture and the true artists. In a small island so many artists, it’s incredible.”
Hekk kif tlesta, il-monument tal-Perit Duminku Mintoff mistenni jitpoġġa f’dawn il-jiem fi Pjazza Kastilja, biex ikun inawgurat uffiċjalment fil-wieħed u tletin ta’ Mejju.