Irridu nkomplu nissalvagwardjaw il-Każini tal-Baned tagħna | One News

Notifiki

Irridu nkomplu nissalvagwardjaw il-Każini tal-Baned tagħna

Mhux xi sigriet li f’Malta għandna każini li bħalissa għaddejjin mill-burraxka ta’ problemi mas-sidien rispettivi, b’uħud diġa’ f’battalji legali u ħafna taqtiegħ il-qalb li jista’ jintilef il-post li għal ħafna huwa d-dar tagħhom, kważi aktar mid-dar proprja tagħhom.

Il-każini tal-Baned mhumiex il-każini tal-festi biss, ta’ ġimgħa waħda minn 52 f’sena. Il-każini tal-Baned huma parti sostanzjali mill-Kultura tagħna, ta’ dak li jagħmilna Maltin. Il-Każini huma espressjoni kulturali li ilu magħna għal ħafna u ħafna snin.

Il-każini tal-Baned kienu pjattaforma għall-maġġoranza assoluta tal-iprem Mużiċisti li għandna f’pajjiżna, li ħadu t-tagħlim mużikali senza interessi, kienu wkoll il-bidu ta’ ħafna persuni li jaħdmu jew kienu jaħdmu f’oqsma oħrajn kulturali hekk kif ħidmet il-każini hija waħda mifruxa ħafna.

Il-każini kienu wkoll parti integrali mill-avvanż soċjo-politiku tagħna bħala pajjiż. Kienu l-bażi tal-Assemblea Nazzjonali li ltaqgħet wara l-irvellijiet tas-Sette Guigno, Assemblea li ħidmietha waslet sabiex fl-aħħar mill-aħħar pajjiżna kien ingħata d-dritt għall-ewwel darba fl-istorja li jmexxi lill-pajjiżu stess, apparti f’dak li għandu x’jaqsam mal-affarijiet barranin, bl-għoti tal-Kostituzzjoni tas-Self-Government fl-1921.

Il-każini huma ħafna drabi, flimkien mal-istituzzjoni tal-Knisja, il-fulkru tal-lokalitajiet tagħna u minkejja li ġieli jkun hemm konatazzjonijiet negattivi, dan mhuwiex l-istampa reali ta’ dak li jiġri hekk kif illum il-każini huma ċentru għal familji, żgħażagħ, anżjani u saħansitra anke t-tfal.

Għandna dmir ilkoll, anke dawk in-nies li forsi ma tantx jinteressawh il-festi, li nipproteġġu parti mill-identità li sawwritna.

Ħafna mill-każini li llum għandhom kwistjonijiet mas-sid, mhux biss ilhom għal numru ta’ snin jokkupaw il-post tagħhom, uħud għal aktar minn 100 sena, huwa kważi impossibli li l-post jinxtara minnhom meta l-valuri tal-propjetà inkwistjoni hija fuq il-miljuni ta’ ewro.

Il-każini llum jistrieħu biss għad-dħul finanzjarju tagħhom, mid-donazzjonijiet li jagħtu l-imsieħba, minn dawk in-nies li apparti li jagħtu ħinhom u saħħithom ta’ kuljum, idaħħlu huma wkoll idejhom fil-but.

Bħala pajjiż għandna dmir li nissalvagwardjaw il-każini tal-Baned tagħna.

Il-Gvern, permezz tal-Ministru Owen Bonnici diġa’ ressaq quddiem il-Parlament abbozz ta’ liġi li se jkun qed jipproteġġi lill-każini. Huwa dan l-ispirtu li jrid ikun hemm.

Nifhem lis-Sidien li forsi jaraw li ma jdaħħlux biżżejjed ammonti f’kirjiet u ċnus minn propejetà li ħafna drabi tkun fil-qalba tal-irħula, iżda rridu naraw, iridu npoġġu fuq il-miżien ukoll l-element importanti kulturali.

Kemm naraw ritratti dwar pajjiżna meta nkunu qed nirreklamawh, żgur li dejjem isib ritratt ta’ xi festa jew oħra. Dan huwa dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin.

Il-Gvern għandu jaħdem, kif qed jagħmel sabiex kemm jista’ jkun jintlaħaq bilanċ u fejn possibli jgħin hu b’mod dirett, l-aktar l-aktar meta qed naraw li liġijiet li ddaħħlu fil-passat riċenti ma kinux biżżejjed biex il-każini jibqgħu intati.

Bħala persuna li ilni 5 snin nokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali ta’ wieħed mill-akbar każini tal-Banda f’Malta, inħossni fid-dover li nagħmel dan l-appell li ġej mill-qalb.

Minkejja l-ħajja mgħaġġla li ngħixu ta’ kuljum, il-każini kienu, għadhom u jibqgħu żvog għal ħafna, minkejja li llum biex tmexxi każini huwa kważi mpjieg ieħor full-time. Ma nistax nimmaġina lili nnifsi li xi ħadd jeħodli biċċa minn ħajti, biċċa mill-kultura tiegħi hekk.

Huwa fid-dmir tagħna lkoll li nissalvagwardjaw il-każini tagħna.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend