Beda t-twaqqigħ taċ-ċumnija tal-Powerstation ta’ Delimara, ċumnija b’għoli ta’ madwar mija u ħamsin metru, jiġifieri ħamsin sular.. ix-xogħol hawnhekk diġà beda ġmielu, hekk kif s’issa tqattgħu sbatax-il metru.. ix-xogħol kollu mistenni jkun lest sal-aħħar tas-Sajf li ġej.
Il-bajja pittoreska ta’ Delimara daqshekk se tkun imtappna b’ċumnija fl-isfond tagħha wara li ftit tal-jiem ilu, bdiet titwettaq wegħda elettorali oħra – dik li titwaqqa’ ċ-ċumnija tal-Powerstation ta’ Delimara.
Permezz ta’ lift li l-vjaġġ fuqu jdum għaddej ftit iktar minn kwarta, ONE News tela’ fuq dik li sa ftit tal-jiem ilu kienet meqjusa bħala l-ogħla struttura f’Malta u segwa mill-qrib ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ taċ-ċumnija li minnha kienu joħorġu tunnellatti kbar ta’ emmissjonijiet ġġnerati mill-heavy fuel oil.
Ix-xogħol beda bit-tneħħija tal-ħadid kollu fiċ-ċumnija, għolja ħamsin sular, u wiesgħa tnax-il metru, bl-istruttura llum hija waħda vojta għalkollox.
F’jum li r-riħ ma tellef xejn mill-andament tax-xogħol, segwejna mill-qrib it-tqattigħ li qed isir permezz ta’ makkinarju apposta li nġieb minn barra magħruf bħala remote controlled demolition robot – makkinarju li qed iqatta’ l-konkos biċċa, biċċa.
Malli jitqatta jibda x-xogħol tal-cutter, li permezz ta’ fjamma tikwi tinqata’ x-xibka tal-ħadid li jkun iġġenneb għal ġewwa taċ-ċumnija.
Mal-qatgħa, il-konkos jinżel madwar ħamsin sular u jitfarrak fil-qiegħ taċ-ċumnija. Mad-daqqa jinstema’ ħoss kbir li jriegħed mhux ftit il-madwar.
Iżda x-xogħol ma jdumx ma jissokta, bil-pjattaforma li ntramat apposta mad-dawra taċ-ċumnija titniżżel sular ieħor bil-ħaddiema u bl-inġenji fuqha, biex tkun tista’ titqatta’ biċċa oħra miċ-ċumnija.
Dan ix-xogħol se jibqa’ għaddej sakemm kollox jasal fl-aħħar ftit sulari, fejn imbagħad kollox ikompli bix-xogħol tal-high reach demolition excavator – gaffa li mill-art stess tilħaq partijiet għoljin, u tqatta’ dak li jkun fadal.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, Jason Vella qal li l-Enemalta qed toqgħod b’seba’ għajnejn għax-xogħol ta’ twaqqigħ. Spjega li qed jittieħdu għadd kbir ta’ prekawzjonijiet, minħabba l-fatt li l-impjant ta’ maġenb iċ-ċumnija għadu wieħed attiv. Dan b’differenza minn meta twaqqgħet iċ-ċumnija tal-powerstation tal-Marsa, fejn din tal-aħħar tħalliet titfarrak mal-art.
Spjega li “Aħna hawnhekk qed noperaw f’sit fejn għadu qed jaħdem.. għandek sit fejn għaddej il-ġenerazzjoni tal-elettriku.. mhux bħal meta pereżemju żarmajna l-powerstation tal-Marsa, fejn kellek impjant li huwa mitfi.. hawnhekk trid toqgħod iktar attent kif tagħmel ix-xogħlijiet.”
Spjega li d-diffikultajiet f’dan it-tip ta’ xogħol huma kbar, fejn qal li f’pajjiżna, numru kbir ta’ ġranet ikunu bir-riħ, u li f’dak l-għoli, il-qawwa tiegħu tkun ferm ikbar. Minħabba dan, ix-xogħol ikollu jieqaf għal sigħat, jew saħansitra ġranet, sakemm tikkalma s-sitwazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv qal li dan ix-xogħol iħalli ammont enormi ta’ skart.
Vella spjega li “Qed nitkellmu fuq madwar ħamest elef tunnellata ta’ ħadid, u ħamest elef metru kubu ta’ konkos.. ovvjament dan once li jiġi mnizzel jiġi esportat għar-riċiklar barra minn Malta.”
L-Inġinier Vella temm jgħid li x-xogħol kollu fuq din iċ-ċumnija mistenni jkun lest fix-xhur li ġejjin, b’parti mis-sit se tintuża bħala maħżen kbir fejn jiżamm il-makkinarju.