Il-Prim Ministru Joseph Muscat assigura lill-familja tal-kuntistabbli Simon Schembri li l-Gvern se jħallas għall-kura kollha neċessarji li se jkollu bżonn kemm f’Malta u keemm barra.
Schembri ġarrab ġrieħi gravi ħmistax ilu waqt li kien qiegħed jaqdi dmiru meta allegatament safa mtajjar minn ġuvni ta’ sbatax-il sena li kien qiegħed isuq vettura bla liċenzja. Huwa ġarrab ġrieħi gravi f’idu u fil-kaxxa ta’ sidru.
F’laqgħa privata li Dr Muscat kellu ma’ mart Schembri u l-familja, il-Prim Ministru assigurahom li Simon mhux se jitlef l-ebda benefiċċji u li l-Gvern se jara li jirċievi l-aqwa kura possibbli, f’Malta u lil hin minn xtutna.
Il-Prim Ministru assigura wkoll li l-ispejjeż kollha se jagħmel tajjeb għalihom il-Gvern u offra għadd ta’ għażliet lil Simon ladarba jirkupra għalkollox minn dan l-inċident.