Aktar minn 2320 koppja f’Malta u Għawdex ddivorzjaw mindu bħal-lum seba’ snin maġġoranza ta’ 53 fil-mija tal-elettorat Malti vvota favur dan id-dritt ċivili li u witta t-triq lejn aktar drittijiet ċivili f’pajjiżna.
Malta kienet l-uniku pajjiż fid-dinja għajr għall-Filippini li ma kellhiex din l-alternattiva għall-koppji li minħabba raġunijiet serji ma setgħux jinħallu mir-rabta taż-żwieġ.
Il-koppji kellhom l-għażla li jisseparaw jew li jieħdu l-annulament wara proċess dewwiema fil-qorti jew it-Tribunal Ekkleżjastiku.
One News tkellem ma’ Jeffrey Pullicino Orlando li flimkien mal-Ministru Evarist Bartolo u l-ex deputut Deborah Schembri kienu bdew bil-kampanja favur id-dħul tad-divorzju f’Malta.
Pullicino Orlando qal li “Dan kien dritt ċivili bażiku li ħassejt strongly li kellu jiġi introdott. Inħoss li mhux biss l-introduzzjoni wassal sabiex il-ħajja ta’ diversi persuni ġiet amerljorata imma bl-introduzzjoni tiegħu wittejna t-triq biex jiġu introdotti libertajiet ċivili oħra.”
Crew ta’ ONE NEWS mar fit-toroq tal-Belt Valletta isaqsi dwar jekk id-divorzju f’pajjiżna hux qed jaffettwa lill-familji Maltin u Għawdxin.
Skont it-terapista tal-familja Charles Azzopardi, minkejja li wieħed jista’ jgawdi minn dan id-dritt ċivili, in-numru ta’ separazzjonijiet huwa ferm ogħla minn dawk li jieħdu d-divorzju.
Dr. Charles Azzopardi qal li “Id-differenza hi li dawk li kienu marbutin u maqbudin dawn in-nies saru jieħdu d-divorzju imma huma ftit li jiehdu d-divorzju compared ma dawk li qed jisseparaw. Xorta hemm aktar nies jisseparaw milli jieħdu d-divorzju. Mhux kull min jiehu s-separazzjoni jieħu d-divorzju.”